Wednesday, July 24, 2024

Jammetti li beżaq fuq il-pulizija li marru jwaqqfuh minħabba storbju li kien qed jagħmel

Aqra wkoll

Raġel ta’ 43 sena mill-Arġentina tpoġġa taħt ordni ta’ probation u mmultat €850 wara li ammetta li beżaq fuq uffiċjali tal-pulizija li marru jwaqqfuh wara lmenti ta’ storbju li kien qed jagħmel.

Pablo Enrique tressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia mixli li rreżista żewġ uffiċjali tal-pulizija, insulentahom u heddidhom, li m’obdiex l-ordnijiet tagħhom u li kiser il-paċi pubblika.

Huwa kien mixli wkoll li ħoloq inkonvenjent pubbliku bħala artist tat-triq billi għamel storbju eċċessiv.

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif fl-Għassa tal-Belt Valletta kienu ta’ sikwit qed jidħlu diversi lmenti dwar storbju li kien qed jagħmel l-imputat. L-uffiċjali kienu marru jwaqqfuh xejn inqas minn tliet darbiet, minħabba rapporti li kien qed idejjaq lir-residenti u l-ħaddiema.

Madankollu, huwa baqa’ jippersisti b’dak li kien qed jagħmel u minflok obda l-ordnijiet tagħhom, Enrique allegatament insulta lill-pulizija. Wara li baqa’ jinjora t-twissijiet tas-Surġent, l-uffiċjali ma kellhomx għażla oħra għajr li jmorru biex jarrestawh u kien f’dan il-mument meta l-imputat beda jirreżistiehom u beżaq f’wiċċ is-Surġent.

Enrique ammetta għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu u talab skuża għal għemilu.

Il-Maġistrat Farrugia poġġieh taħt ordni ta’ probation għal żmien sentejn u kien ordnat biex iħallas multa ta’ €850.

Ekonomija

Sport