Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien tressaq Edmon Buyoh Atah ta’ 32 sena fejn ġie akkużat li ffalsifika passaport u anke ta’dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet. Huwa kien mixli li matul l-aħħar sitt xhur ippreżenta dokumenti ffalsifikati u ta informazzjoni mhux korretta lill-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li jikseb vantaġġi illegali.
Għal dawn l-akkużi Atah wieġeb ħati.
L-Ispettur Elton Buckingham li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li l-imputat kien għamel użu minn dokumenti ta’ identità foloz u ta’ informazzjoni falza lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni, minkejja li kien jaf li dak li kien qed jiddikjara ma kienx veru.
Id-difiża, immexxija mill-avukati Alex Scerri Herrera u Francesca Vella, argumentat kontra piena ta’ ħabs, billi enfasizzat li r-reat ma kien jinvolvi l-ebda vjolenza u li detenzjoni twila kienet tkun piż bla bżonn fuq l-Istat. Huma saħqu wkoll li l-akkużat ammetta mill-ewwel u wera kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet.
Il-Maġistrat Critien se tagħti s-sentenza fid-29 ta’ Ottubru li ġej.