Sunday, November 23, 2025

Jammetti li ffroda diversi persuni billi ċċirkola flus foloz

Aqra wkoll

John Anthony Borg ta’ 26 sena tressaq il-Qorti fejn ammetta li ffroda diversi persuni billi ċċirkola flus foloz.

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella mixli li bejn Ottubru u Novembru 2025, iffalsifika xi flus u għamel qligħ b’qerq li jammonta għal mhux aktar minn €500. 

L-Ispettur Gabriel Kitcher spjega fil-Qorti kif il-Pulizija kienet irċeviet xejn inqas minn 12-il rapport dwar flus foloz u anke elevat dawn il-flus li kienu ppreżentaw il-vittmi. 

“Dorna postijiet u taxis fejn stajna nġibu l-filmati u wasalna biex identifikajna l-imputat li kien arrestat il-Ġimgħa li għadda,” qal l-Ispettur Kitcher. 

Meta ġie mitkellem mill-Pulizija, Borg ammetta li kien hu li wettaq dawn ir-reati. L-Ispettur Kitcher żied jgħid li l-imputat m’għandux vizzji iżda kollox issokta meta miet zitu li affettwatu ħafna.

Intqal li biex jimla l-vojt ta’ zijuh, huwa daħal f’relazzjoni u l-persuna li qiegħed magħha għandha l-vizzju tad-droga u li kien għalhekk li beda b’dik “it-tattika tal-flus foloz”. 

Fil-Qorti, Borg wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Prosekuzzjoni talbet għal piena effettiva ta’ ħabs, bis-sentenza se tkun qiegħda tingħata fl-1 ta’ Diċembru li ġej. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Alessia Schembri u Julia Bartolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Gabriel Kitcher u Chantelle Mifsud. L-Avukat Nadia Bezzina Fiott dehret għal Borg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport