Sunday, October 19, 2025

Jammetti li ffroda persuna meta wiegħdu li se jixtrilu d-deheb mill-Guinea

Aqra wkoll

Henry Jude Ikpofi, Niġerjan ta’ 38 sena, iżda residenti San Pawl il-Baħar, ammetta quddiem il-Maġistrat Simone Grech li kien iffroda persuna billi wegħdu li se jmur jixtrilu d-deheb mill-Guinea.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu fit-13 ta’ Ġunju li għadda meta persuna kienet għamlet rapport l-Għassa tar-Rabat Għawdex li kienet ġiet iffrodata.

Fir-rapport kien intqal li ċertu John Ifeanyi li kien jaħdem mal-vittma kien qallu li kien se jmur il-Guinea u minn hemm jixtri d-deheb. Dakinhar l-imputat kien qal lill-vittma li b’€16,000 kien jixtrilu 10kg ta’ deheb. Iżda l-vittma kien qallu li kienu wisq għalih u għalkemm talbu biex jixtrilu bi 3kg.

Kien sar qbil bejn il-vittma u Ifeanyi li b’kollox kellu jagħtih €7,300, fejn €5,900 biex jixtri d-deheb u l-bqija tal-flus biex iħallas it-titjiriet lejn Guinea. 

Kif għadda xi żmien, il-vittma beda jipprova jagħmel kuntatt ma’ Ifeanyi u dan tal-aħħar kien jibagħtlu filmati permezz ta’ Whatsapp. Minn hemm il-vittma nduna li Ifeanyi mhux veru kien il-Guinea, iżda kien l-Italja.

L-Ispettur Keith Xerri mill-ewwel beda l-investigazzjonijiet tiegħu u Ifeanyi kien inġieb f’pajjiżna wara li nħareġ mandat ta’ arrest fejn ammetta l-akkużi u ngħata sentenza sospiża filwaqt li kien ordnat jagħti l-flus lura kollha lill-vittma.

Sadanittant, komplew għaddejjin l-investigazzjonijiet fejn ġie stabbilit li Ifeanyi ma kienx waħdu f’dan l-att kriminali li wettaq. Fil-fatt, fl-jiem li għaddew irriżulta li l-imputat Henry Jude Ikpofi allegatament kien kompliċi ma’ Ifeanyi u sussegwentement kien arrestat.

Ikpofi wieġeb ħati tal-akkużi kollha kontrih u kkonferma l-ammissjoni tiegħu anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha.

Kien għalhekk li l-Maġistrat Simone Grech sabitu ħati tal-akkużi u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Hu ġie ordnat ukoll sabiex jagħti l-flus lura kollha lill-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Xerri filwaqt li l-Avukat Francois Dalli deher għal Ikpofi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport