Raġel ta’ 34 sena residenti San Pawl il-Baħar ammetta fil-Qorti li kien refa’ jdejh fuq l-eks sieħba u binha ta’ 17-il sena.
Fil-Qorti r-raġel qal li jaħdem fil-ġbir tal-iskart u hekk kif ġie akkużat mill-Ispettur Omar Zammit ammetta mill-ewwel l-akkużi ta’ vjolenza domestika. Min-naħa tagħhom il-vittmi rrifjutaw li jagħtu ċ-ċertifikat mediku dwar in-natura tal-ġrieħi li kienu sofrew.
Il-Prosekuzzjoni qalet li sikwit kien ikun hemm argumenti bejn l-akkużat u t-tifel tal-eks sieħbha u dawn ħafna drabi seħħew fir-residenza tagħha f’San Pawl il-Baħar. F’dawn l-argumenti kien ikun hemm theddid u għajjat.
Minħabba li l-koppja għandhom tifla, l-akkużat talab biex jintervjenu l-ħaddiema soċjali mill-Aġenzija Appoġġ biex ikun jista’ jara lit-tifla. Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat għandu kuntatt ma’ bintu hekk kif qed ikellimha permezz ta’ video calls.
Fil-Qorti l-pulizija qalet li r-raġel għandu bżonn l-għajnuna minħabba li għandu l-vizzju li juża sustanza tal-ħaxixa u anke l-alkoħol. Hu għandu problemi biex jikkontrolla r-rabja tiegħu.
Fis-sentenza, il-Maġistrat Azzopardi wara li sab lir-raġel ħati fuq ammissjoni tiegħu stess wissih biex ma jixrobx lanqas flixkun birra, u jiġri x’jiġri ma jistax jiġġieled mat-tifel anke jekk dan tal-aħħar jipprova jargumenta.
Ir-raġel tpoġġa taħt probation għal sentejn u inħareġ ordni ta’ protezzjoni fuq il-vittmi.