Ruven Galea ta’ 27 sena residenti l-Imsida ammetta quddiem il-Qorti li kien ikkaġuna biża’ u anke li hedded lil nannuh li se joqtlu għax irrifjuta li jagħtih flus biex jixtri d-droga.
Il-każ seħħ nhar is-Sibt li għadda meta l-vittma għamel rapport fit-Taqsima ta’ kontra l-vjolenza domestika fl-Imtarfa. Il-vittma qal lill-pulizija li ma feħaħx iżjed l-għaġir tan-nepputi tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat għandu l-vizzju tad-droga u minħabba f’hekk kemm-il darba kien jhedded lil nannuh u anke membri oħrajn tal-familja meta ma jkunux iridu jagħtuh il-flus biex isostni l-vizzju tiegħu.
L-Ispettur qal li dan l-aħħar familjari tal-imputat bdew anke jirċievu telefonati mingħand persuni terzi li l-imputat kellu d-dejn magħhom.
Il-Maġistrat Nadia Helena Vella nfurmat lill-akkużat li fis-sentenza tagħha se tikkunsidra li ammetta l-akkużi fi stadju bikri iżda għamlitha ċara li ma jistax jibqa’ jgħix mal-familjari tiegħu.
Galea ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trazzin fuq perjodu ta’ 3 snin mil-lum filwaqt li poġġiet lil ħati fuq ordni ta’ superviżjoni u ordni ta’ trattament għal vizzju ta’ droga.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi. Għall-akkużat dehret l-Avukat tal-għajnuna legali Rachel Tua.



