Sunday, December 22, 2024

Jammetti li hedded lill-eks sieħba li se joqtolha jekk jaraha ma’ raġel ieħor … immultat €700

Aqra wkoll

Libjan ta’ 45 sena residenti Birkirkara ammetta quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech l-akkużi kollha kontrih fosthom anke li hedded lill-eks sieħba li se joqtolha.

Il-każ beda fit-30 ta’ Ġunju ta’ din is-sena meta l-akkużat allegatament kien għamel kuntatt telefoniku mal-eks-sieħba tiegħu fejn heddidha li jekk jaraha ma’ xi raġel ieħor kien se joqtolha.

Dakinhar il-vittma kienet għażlet li ma tagħmilx rapport lill-pulizija dwar dan it-theddid, iżda fl-4 ta’ Lulju li għadda waqt li hi u l-akkużat kienu qegħdin jikkomunikaw flimkien, l-akkużat bagħtilha rekording b’diversi kliem ta’ theddid u anke batilha messaġġi ta’ theddid.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma kienet beżgħet mill-kliem li ntqal lilha u għalhekk iddeċiediet li tagħmel rapport lill-Pulizija u anke semmitilhom dak li kien seħħ fit-30 ta’ Ġunju. Il-Pulizija kienu talbu l-assistenza tas-social workers fejn min-naħa tagħhom wettqu risk assessment, liema assessment indika li r-riskji fuq il-vittma kienu għoljin.

Kien hawn li l-Pulizija talbet lill-Qorti madndat ta’ arrest fil-konfront tal-akkużat fejn anke tressaq il-Qorti akkużat b’diversi akkużi.

Il-Maġistrat Grech fis-sentenza tiegħu qal li qiegħed jikkonsidra l-ammissjoni volontarja tal-akkużat.

Fis-sentenza, il-Qorti qalet li rat il-messaġġi li għaddew bejn l-akkużat u l-vittma. “Il-kontenut tal-messaġġ mibgħuta mill-parte civile kienu pjuttost provokattivi u żgur wkoll ma jistgħux jiġu klassifikati bħal diskors normali bejn koppja. Filwaqt li dan bl-ebda mod ma jnaqqas mill-gravità tat-theddid li għamel l-akkużat, il-Qorti tqis li d-diskors tal-parte civile wassal sabiex ippreċipita s-sitwazzjoni u l-konversazzjoni li kienet qed issir bejniethom,” inkiteb fis-sentenza.

Kien għalhekk li l-Qorti kkundannat lil Altabib €700 kif ukoll ħarġet ordni tat-trażżin għal 3 snin favur il-vittma.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri mid-Distrett ta’ Għawdex.

Ekonomija

Sport