Saturday, November 9, 2024

Jammetti li kellu u xerred materjal pornografiku tat-tfal

Aqra wkoll

Pensjonant minn Bormla ngħata l-ħelsien mill-arrest sakemm jingħata s-sentenza wara li ammetta li kiseb u xerred pornografija li tinvolvi t-tfal.

Ronnie Farrugia tressaq quddiem il-Maġistrat Monica Vella mixli li akkwista kif ukoll iċċirkola dan il-materjal illegali.

Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija bdiet tinvestiga lil Farrugia wara tliet rapporti mibgħuta lit-Taqsima tas-Cybercrime u miċ-Ċentru Nazzjonali għat-Tfal Nieqsa u Sfruttati (NECMEC) ibbażat fl-Istati Uniti.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni esebiet ir-rapport tan-NECMEC, flimkien ma’ CD li fih kien hemm il-materjal li allegatament kien intbagħat mill-apparat elettroniku tar-raġel.

Farrugia wieġeb ħati tal-akkużi, bl-Avukat Difensur Mark Mifsud Cutajar jitlob għall-ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu wara li l-Qorti ħabbret li ma kinitx se tagħti s-sentenza f’din is-seduta.

Peress li l-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba, l-imputat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa darbtejn fil-ġimgħa.

Fuq talba tal-prosekuzzjoni l-Qorti ordnat ukoll li Farrugia jitniżżel fuq ir-reġistru ta’ persuni li wettqu reati sesswali.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Elton Buckingham u Carl Pace.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport