Monday, February 16, 2026

Jammetti li kien qed jittraffika d-droga fil-Marsa

Aqra wkoll

Sudaniż ta’ 34 sena tressaq fil-Qorti fejn ammetta l-akkużi dwar pussess u traffikar tad-droga. 

Abubaker Adam Ismail, li huwa residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, kien mixli bil-pussess u traffikar tal-kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Huwa kien mixli wkoll bil-pussess tad-droga sintetika, li wettaq dawn ir-reati f’distanza ta’ mitt metru mill-perimetru ta’ skola, klabb jew post ieħor fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li sar riċediv.

Il-Pulizija kienu waqqfuh fi Triq il-Marsa, il-Marsa, hekk kif ipprova jaħrab minnhom kif lemaħhom. Wara tfittxija fil-ġakketta u fil-qalziet tiegħu, il-pulizija sabu numru ta’ qratas bid-droga u flus kontanti. 

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn wieġeb ħati tal-akkużi u kkonferma din l-ammissjoni wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha.

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, il-Prosekuzzjoni osservat kif l-imputat kien diġà nstab ħati ta’ pussess ta’ kannabis u ngħata piena ta’ 18-il xahar priġunerija. Madanakollu saħqet li din is-sentenza jidher li ma kinitx biżżejjed biex l-imputat jitbiegħed mid-droga. 

Il-Maġistrat Grima se tagħti s-sentenza nhar il-Ħamis li ġej. Sadanittant huwa baqa’ jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Bonello. 

L-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputat. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport