Raġel ta’ 66 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammmetta li kkawża l-mewt ta’ sewwieq ta’ mutur f’inċident li seħħ fl-2022.
Mario Schembri kien tressaq fil-Qorti mixli li b’negliġenza kkawża l-mewt ta’ Steven Sergeant, li saq vettura b’manjiera perikoluża u li kkaġuna ħsara involontarja fuq il-mutur ta’ Sergeant.
Il-każ imur lura għal Frar tal-2022, meta kienet seħħet ħabta bejn Kawasaki Z300 misjuq mill-vittma u Ford Transit misjuq mill-imputat. L-inċident kien seħħ għall-ħabta tal-10.00 a.m. fi Triq Ħal Tarxien, il-Gudja.
Il-pulizija qalu li s-sewwieq tal-mutur kien ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn aktar tard kien iċċertifikat mejjet.
L-imputat kien tressaq il-Qorti f’Marzu tal-2023 u għall-ewwel wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda mbagħad għażel li jammetti.
Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat il-fedina penali tal-imputat, li turi li l-unika infrazzjoni li kellu mal-liġi tmur lura għas-sena 1978, in-natura serja tal-akkużi, l-età tiegħu u l-fatt li ma jidhirx li huwa “ta’ theddida għas-soċjetà”.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, qalet li ma tħossx li piena karċerarja fil-konfront tal-imputat tkun waħda idonea.
Għaldaqstant, il-Qorti kkundannat lil Schembri għal piena ta’ sentejn ħabs li ġew sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin.
Il-Qorti skwalifikat lill-imputat milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ tliet xhur.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar.

