Friday, December 13, 2024

Jammetti li pprova jaħrab minn Malta fuq bastiment

Aqra wkoll

Sudaniż ta’ 22 sena ntbagħat seba’ xhur ħabs wara li wieġeb ħati li pprova jaħrab minn Malta lejn l-Italja fuq bastiment. 

Yusuf Yahya Mustafa ammetta li fl-14 ta’ April ta’ din is-sena, għall-ħabta tal-4.30 p.m. tela’ fuq il-bastiment fil-Marsa u staħba fih.

Minn dak li ħareġ fil-Qorti, jirriżulta li l-ekwipaġġ kien induna bir-raġel hekk kif il-vapur kien diġà telaq minn Malta u kien fi triqtu lejn l-Italja u nżamm fuqu sakemm wasal lura nhar it-Tnejn li għadda u ġie arrestat. 

Id-Difiża qalet li l-imputat ikkopera mal-pulizija u li l-għan tiegħu kien biss li jkollu futur aħjar. Qalet ukoll li huwa għandu fedina penali nadifa.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni informat ukoll lill-Qorti li ma’ Mustafa kien hemm persuna oħra li kellha l-ħsieb li taħrab miegħu iżda fl-aħħar ħinijiet beża’ u ddeċieda li jibqa’ Malta. 

Mustafa wieġeb ħati wkoll li naqas milli jagħti informazzjoni lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni u pprova jaħrab minn Malta mingħajr il-kunsens tas-sid tal-kaptan tal-vapur. 

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, sabitu ħati u kkundannatu piena ta’ seba’ xhur priġunerija. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Hubert Gerada. L-Avukat Martin Fenech deher għar-raġel. 

Ekonomija

Sport