Clint Mangion ta’ 39 sena tressaq fil-Qorti fejn ammetta li pprova jisraq minn ħanut f’Birkirkara.
Il-każ seħħ fit-30 ta’ Jannar 2026, meta r-raġel allegatament daħal f’ħanut fi Triq il-Wied u hedded impjegat b’sikkina, fejn wara ħarab minn fuq il-post mingħajr ma seraq xejn.
Il-pulizija rnexxielha tidentifika u tarresta lir-raġel u tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat Ingrid Bianco.
Huwa kien mixli bl-attentat ta’ serqa, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja u li kien riċediv.
Mangion ammetta għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u se jkun qed jingħata s-sentenza fl-20 ta’ Frar.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Ylenia Maria Xerri.
Għal Mangion deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Francois Dalli.

