Marokkin ta’ 37 sena ammetta li qatel lil Joseph Carabott, sid il-ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq li safa aggredit b’mod vjolenti waqt hold up f’Awwissu ta’ sentejn ilu. Carabott kien sofra ġrieħi serji u miet fil-5 t’April li għadda fl-età ta’ 67 sena.
Meta l-Erbgħa kompla jinstema’ l-każ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Mohamed Anas Boualam wieġeb ħati tal-akkużi li kienu ġew mibdula biex tkun inkluża l-akkuża ta’ omiċidju volontarju. Boualam ikkonferma l-ammissjoni anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha. Is-sentenza se tingħata fil-ġimgħat li ġejjin.
B’rabta ma’ dan il-każ qed jiġi akkużat Marokkin ieħor – Zouhair Hadoumi ta’ 28 sena – li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Dan filwaqt li t-tielet persuna – Donna Sciberras – kienet ammettiet l-involviment tagħha f’dan il-każ u kienet intbagħtet 28 sena ħabs.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit flimkien mal-Avukati Kaylie Bonnett u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati George Anton Buttigieg u Mark Mifsud Bonnici qed jidhru għal Boualam u Hadouni rispetivament.