Żagħugħ ta’ 21 sena kien ikkundannat sentenza sospiża wara li ammetta li weġġa’ lis-sieħba f’argument li nqala’ l-Erbgħa li għadda fl-appartament tal-koppja f’Tas-Sliema.
Gustavo Adolfo Rojas Vivas, ta’ nazzjonalità Kolombjana, kien arrestat mill-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit wara li xi ġirien talbu għall-assistenza minħabba kommossjoni li nqalgħet fejn instema’ għajjat kbir.
Meta l-Pulizija waslet fuq il-post, it-tfajla tal-imputat dehret li kellha qasma fonda fuq rasha u spjegatilhom li kien l-għarus tagħha li kkawżalha dik il-ferita.
Iż-żagħżugħ ġie arrestat u mressaq il-Qorti llum fejn wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa qal li kien qed jiddispjaċih ta’ dak li ġara.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, ikkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Dan filwaqt li ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit mentri l-imputat kien assistit mill-Avukat Mark Mifsud Cutajar.