Serb ta’ 52 sena kien ikkundannat sentenza sospiża wara li tressaq fil-Qorti fejn ammetta li kien qed isuq vettura bla liċenzja.
Dorde Ciric kien mixli li nhar il-Ġimgħa li għadda, m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li għamel stqarrija jew dikjarazzjoni falza, li saq vettura tal-għamla Renault mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr ma kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni dwar ir-riskji għal terzi persuni.
Fil-Qorti nstema’ kif il-pulizija tal-komunità, waqt li kienu qed jagħmlu ronda f’San Pawl il-Baħar, innutaw persuna juża l-mobile waqt li kien qed isuq. Meta dan twaqqaf, il-pulizija talbuh għad-dettalji tiegħu u wara li ġie mistoqsi kemm ilu jgħix f’pajjiżna, f’dak il-ħin huwa beda jaġixxi b’mod stramb.
Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li huwa kellu wkoll liċenzja tas-sewqan falza. Eventwalment huwa kien arrestat u tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Iż-żewġ naħat qablu li l-piena li kellha tiġi imposta fuq l-imputat hi waħda ta’ priġunerija sospiża flimkien ma’ skwalifika tal-liċenzja.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil sabet lill-imputat ħati tal-akkużi u kkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal sena. Fl-istess waqt, il-Qorti skwalifikat lill-imputat milli jikseb jew ikollu liċenzja għal perjodu ta’ 13-il xahar filwaqt li ordnat id-distruzzjoni tad-dokument falz.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Cheyenne Mangion filwaqt li l-Avukat Noel Bianco deher għal Ciric.

