Sunday, July 13, 2025

Jammetti li saq vettura bla liċenzja

Aqra wkoll

Sirjan ta’ 20 sena, li m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna, ingħata sentenza sospiża wara li tressaq fil-Qorti fejn ammetta li saq vettura mingħajr liċenzja u mingħajr ma kien kopert b’polza t’assigurazzjoni dwar ir-riskji għal terzi persuni.

Sultan Alhasan Taysir kien inqabad isuq vettura tal-għamla Ford nhar il-Ġimgħa li għadda, għall-ħabta tad-8.45 p.m., fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi. Huwa kien twaqqaf mill-uffiċjali tal-LESA fejn qalilhom li dokumenti fuqu ma kellux u lanqas ma kellu liċenzja tas-sewqan.

Il-pulizija kienu infurmati b’dan u minnufih marru fuq il-post fejn Taysir ikkonferma magħhom li ilu jghix Malta aktar minn sena u li liċenzja tas-sewqan ma kellux.

Huwa tressaq b’urġenza l-Ħadd quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo fejn wieġeb ħati għall-akkużi u kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia u John Sammut. Għal Taysir deher l-Avukat Nicholas Mifsud.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport