Raġel ta’ 60 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq basket ta’ mara barranija u xtara l-ikel b’card tal-bank li sab fih.
Paul Frendo Cumbo kien mixli li wettaq dan ir-reat nhar il-25 ta’ Jannar 2026, fil-ħin ta’ bejn is-2.30 p.m. u s-6.00 p.m., minn ġewwa kjosk f’San Pawl il-Baħar.
Huwa kien mixli wkoll li renda ruħu riċediv wara li kien misjub ħati ta’ sentenza mogħtija lilu mill-Qrati ta’ Malta, liema sentenza saret definittiva u ma tistax tiġi mibdula.
Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, l-imputat wieġeb ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfont tiegħu, liema ammissjoni ġiet ikkonfermata minnu wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha.
Il-Qorti qieset mhux biss l-ammissjoni tiegħu, imma anke d-dikjarazzjoni li kien lest li jirrestitwixxi lill-vittma l-ammont minnu misruq mingħandha.
Kien għal dawn ir-raġuni li kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li ordnat lill-imputat biex iħallas lill-vittma s-somma ta’ €236.744 fi żmien xahar.

