Sunday, December 22, 2024

Jammetti li seraq bi €17,500 f’apparat elettroniku

Aqra wkoll

Luke Zammit ta’ 34 sena minn Wied il-Għajn ammetta quddiem il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil li sena ilu seraq ammont ta’ mobile phones u anke smart watches b’valur ta’ madwar €17,500. Is-serqa saret b’dannu ta’ kumpanija tat-telekomunikazzjoni li Zammit kien jaħdem magħha.

Hu kien akkużat ukoll li laqa’ għandu oġġetti misruqa u li biegħ uħud minnhom.

Il-Prosekuzzjoni mmexxejja mill-Ispettur Roxanne Tabone qalet fil-Qorti li f’Jannar tas-sena li għaddiet kien daħal rapport għand il-Pulizija mill-kumpanija msemmija dwara Luke Zammit. Ir-rapport kien jgħid li Zammit kellu jwassal xi mobile phones f’xi ħwienet tal-istess kumpanija.

L-investigaturi bdew jaraw filmati tas-sigurtà fejn Zammit deher ħiereġ b’kaxxa bil-mobile phones fiha, iżda dawn qatt ma wasslu fid-destinazzoni aħħarija tagħhom.

Il-pulizija waslu biex sabu xi mobile phones li kienu nieqsin għax kien xtrahom xi ħadd ieħor u dawn inxtegħlu. Meta l-Pulizija tkellmu mas-sidien il-ġodda tal-mobile huma qalu li kienu xtrawhom mingħand Luke Zammit.

Filwaqt li laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000 il-Maġistrat qalet li se tkun qiegħda tagħti s-sentenza aktar tard din il-ġimgħa.

Il-prosekuzzoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Roxanne Tabone. Għal Zammit deher l-Avukat Amadeus Cachia.

Ekonomija

Sport