Sunday, December 22, 2024

Jammetti li seraq biex ikollu x’jiekol

Aqra wkoll

Raġel li seraq għax ma kellux x’jiekol tpoġġa taħt odni ta’ probation wara li wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Stephen Chircop ta’ 56 sena minn Ħaż-Żebbuġ tressaq il-Qorti mixli li wettaq sitt serqiet bejn it-28 ta’ Ġunju u l-5 ta’ Lulju li għadda minn żewġt iħwienet fi Triq il-Merkanti, il-Belt.

L-Ispettur Daryl Borg spjega kif il-pulizija kienu rċevew diversi rapporti ta’ serq li kienu qed isiru mill-Belt Valletta u minn filmati tas-CCTV u iżjed investigazzjonijiet, il-pulizija waslu għas-suspettat.

Meta arrestat, Chircop ammetta li kien seraq diversi oġġetti biex ikollu x’jiekol. L-Avukata tiegħu, Josette Sultana qalet li l-akkużat kien għadu kif xtara karozza u sussegwentement kellu ordni ta’ sekwestru fil-konfront tiegħu.

“Minn hemm ‘il quddiem, ħajtu bdiet it-triq tan-niżla. Il-ġuħ wasslu biex jagħmel dan. Fil-fatt, huwa seraq fish fingers u affarijiet oħra simili,” qalet Dr Sultana.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, poġġiet lill-imputat taħt ordni ta’ probation għal 18-il xahar u ħeġġitu biex jattendi għall-appuntamenti kollha li jkollu mal-uffiċjal tal-probation.

Ekonomija

Sport