Sunday, December 22, 2024

Jammetti li seraq €137 minn hostel f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Giuseppe Visani ta’ 18-il sena mwieled l-Italja u mingħajr residenza fissa f’pajjiżna kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammetta li seraq minn ġewwa hostel f’San Ġiljan.

Fil-Qorti ħareġ li nhar il-Ġimgħa li għadda, għall-ħabta tal-11.00 p.m., il-Pulizija kienet infurmata li aktar kmieni kienet seħħet serqa minn ġewwa l-’Hostel Malti’ li jinsab f’San Ġiljan.

Filmati tas-CCTV urew lill-imputat jieħu xi flus li kien hemm fil-Cash register u jitlaq ‘il barra. Huwa kien arrestat meta reġa’ lura fil-hostel.

Intqal li l-imputat ħallas lura l-ammont misruq (€137) filwaqt li huwa ilu Malta tlitt ijiem biss u li ġie hawn biex isib xogħol. Il-Qorti semgħet ukoll li Visani kien skuża ruħu ta’ dak li għamel u li din kienet l-ewwel darba tiegħu li xellef difrejgħ mal-ġustizzja.

Kien għalhekk li filwaqt li nstab ħati tal-akkużi, ingħata l-libertà kkundizzjonata.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri mentri l-Avukat tal-Għajnuna Legali Wilfred Buttigieg assista lil Visani.

Ekonomija

Sport