Tuesday, August 12, 2025

Jammetti li seraq erba’ instrumenti u oġġetti oħra minn residenza fis-satra tal-lejl

... jingħata sentenza sospiża u jrid iħallas id-danni kollha

Aqra wkoll

Vincent Spalding ta’ 52 sena residenti r-Rabat, Għawdex ammetta quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana li fil-lejl ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Awwissu li għadda seraq diversi oġġetti, fosthom erba’ strumenti, minn residenza fil-Munxar, Għawdex.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li kien Spalding li wettaq din is-serqa fil-ħin ta’ bejn nofsillejl u s-2.00 a.m. Minn filmati tas-CCTV, l-imputat deher dieħel fir-residenza fejn saret is-serqa. Fil-Qorti nstema’ kif il-koppja li jgħixu fir-residenza ma kinux hemm minħabba li bħalissa qegħdin jirranġaw l-istess dar u għalhekk kienu qegħdin jgħixu f’residenza oħra.

L-Ispettur sostna li b’kollox insterqu b’valur ta’ madwar €10,000, li ħafna mill-oġġetti ġew irritornati lura mill-imputat, għalkemm baqa’ 19-il oġġett li s’issa għadhom ma nstabux. Il-valur tal-oġġetti li ma nstabux ilaħħqu t-€3,500.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta l-imputat telaq mid-dar tiegħu li tinsab fiċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex u mexa lejn il-Munxar. Hu daħal fid-dar u beda jara x’hemm li jista’ jisraq. Irriżulta li l-imputat ħareġ b’ammont ta’ affarijiet f’idejh u anke rabat basket wara dahru fejn reġa’ mexa għad-dar tiegħu.

Wara li poġġa kollox, reġa’ niżel il-Munxar din id-darba jimbotta pushchair biex fiha jkun jista’ jgħabbi aktar affarijiet. Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-filmati tas-sigurtà l-imputat jidher jimbotta l-pushchair lejn ir-Rabat mimlija affarijiet fosthom 4 instrumenti.  

L-imputat allegatament seraq ukoll €500 fi flus kontanti, sett tat-televixin u anke affarijiet oħrajn li sab id-dar. Il-Prosekuzzjoni qalet li fost l-affarijiet li baqa’ li għadhom ma nstabux hemm viola kif ukoll CD li fiha diversi ritratti ta’ tifkiriet.

Il-vittma talbet permezz tal-avukat tagħha li l-importanti hu li jiġi rritornat il-viola minħabba l-valur li fih kif ukoll is-CD bir-ritratti. 

L-Avukat Daniel Calleja f’isem l-imputat qal li ma kienx qiegħed jikkontesta l-vadilità tal-arrest filwaqt li stqarr li l-klijent tiegħu lest iħallas il-valur kollu tal-oġġetti li għadhom ma nstabux.

Kien hawn li l-Maġistrat Sultana staqsiet lill-imputat x’kien għamel bil-viola, iżda l-imputat ma lissen l-ebda kelma. Il-Maġistrat Sultana qaltlu li żgur li jaf x’għamel bih u għandu jirritornah lill-vittma. Qaltlu li jekk jirritornah allura jonqos l-ammont li għad irid iħallas lill-vittma.

Intant, fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li kienet qiegħda tqis l-ammissjoni bikrija tal-imputat, li ħafna mill-oġġetti misruqa nstabu u l-affarijiet li baqa’ l-imputat se jagħmel ħiltu kollha biex dawn jiġu rritornati. Għalhekk, il-Qorti kkundannat lil Spalding piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Tilden Tabone flimkien mal-Ispettur Josef Gauci. L-avukat Daniel Calleja mexxa d-difiża filwaqt li l-Avukat Carmelo Galea deher f’isem il-vittmi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport