Gareth Fava ta’ 24 sena minn Bormla ammmetta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima li fit-30 ta’ Ottubru li għadda seraq kaxxa laħam li kienet għadha kemm twasslet f’restorant fil-Belt. Hu ammetta wkoll li fit-23 ta’ Settembru li għadda seraq żarbun minn ħanut f’Ħaż-Żabbar. Hu kiser diversi kundizzjonijiet imposti fuqu biex seta’ jingħata l-ħelsien mill-arrest dwar każ separat.
L-avukat difensur Joe Brincat talab biex qabel mal-Qorti tgħaddi għas-sentenza jsir rapport dwar l-akkużat. Hu talab ukoll biex Fava jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Minħabba li l-akkużat ammetta fi stadju bikri tal-każ, il-Qorti laqgħet it-talba tad-difża u tagħtu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €10,000 filwaqt li mponiet għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li jrid jiffirma l-Għassa ta’ Bormla tliet darbiet fil-ġimgħa u jrid ikun id-dar bejn it-8pm u s-6am.
Il-każ se jkun qiegħed ikompli jinstema fis-7 ta’ Diċembru biex tisma aktar xhieda u tara wkoll r-rapport tal-uffiċjal tal-probation.