Taljan ta’ 23 sena kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammetta li seraq laptop minn ħanut fil-Belt Valletta.
Gabriel Giuseppe Munda, residenti l-Mellieħa, tressaq quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo lbieraħ mixli b’serq, aggravat bil-valur tal-oġġett misruq.
Il-Qorti semgħet kif filmati tas-CCTV urew lil Munda jieħu laptop minn fuq waħda mill-ixkafef u joħroġ mill-ħanut bih. Huwa kien arrestat ftit tas-sigħat wara fil-Mellieħa, u fuqu kellu wkoll il-laptop.
L-Avukat Arthur Azzopardi, li deher għall-imputat flimkien mal-Avukat Jacob Magri, informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu kienu għadu kif tilef l-impjieg tiegħu fis-settur tal-kostruzzjoni u bħalissa jinsab ma jaħdimx. Qal ukoll li l-laptop ġie rritornat lura lis-sid leġittimu tiegħu.
Il-Qorti, fuq ammissjoni tal-istess imputat, sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u tagħtu l-libertà kkundizzjonata.