Monday, August 11, 2025

Jammetti li seraq oġġetti mill-karozza tal-ġar tiegħu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 68 sena ngħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq diversi oġġetti mill-karozza tal-ġar tiegħu. 

Joseph Muscat min-Naxxar tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea mixli b’serq aggravat u li kien riċediv.

Fil-Qorti nstema’ kif f’Lulju li għadda, raġel kien mar jirrapporta li kienu nsterqulu xi affarijiet mill-vann tiegħu fosthom first aid box, żewġ nuċċalijiet u €150 fi flus kontanti u €20 oħra f’muniti.

Il-pulizija waslet għall-imputat mill-filmati tas-CCTV u kien arrestat is-Sibt li għadda. Huwa ġie mitkellem mill-Pulizija l-għada fejn ammetta magħhom li kien hu li wettaq ir-reat u saħansitra ħadhom fir-residenza tiegħu u tahom l-oġġetti misruqa. 

Fil-Qorti, Muscat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kien ikkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Huwa kien ordnat iħallas is-somma ta’ €170 lill-vittma fi żmien sitt xhur. Dan filwaqt li nħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma.

Wara li ngħatat is-sentenza, Muscat instema’ jgħid li kultant il-ġar jipparkja l-karozza quddiem ir-residenza tiegħu. Il-Maġistrat Galea qaltlu biex ma jkellmux iżda jċempel l-Għassa tal-Pulizija.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ylenia Maria Xerri flimkien mal-Avukat Martina Calleja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Axl Camilleri deher għal Muscat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport