Saturday, December 28, 2024

Jammetti li seraq waqt li kien fis-sakra f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Popov Vasily, raġel ta’ 35 sena mwieled ir-Russja, ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq minn stabbiliment f’San Ġiljan u li kien fis-sakra f’post pubbliku.
L-Ispettur Nico Zarb spjega fil-Qorti kif nhar il-Milied, il-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan kienu rċevew telefonata minn stabbiliment f’Paceville u ġew mgħarrfa li xi nies kienu qed iżommu lill-imputat wara li qabduh jisraq fil-fatt.

L-Ispettur Zarb żied jgħid li meta l-pulizija waslu fuq il-post, sabu lil Popov f’sakra ma jarax art u kellu jiddaħħal l-Isptar. Qal ukoll li l-imputat kien ikkopera mal-pulizija fl-investigazzjonijiet u wera x-xewqa li jrodd lura l-flus li kien seraq.
Fir-rigward tal-piena, il-Qorti kkunsidrat il-qbil ta’ bejn il-partijiet illi l-imputat jingħata piena ta’ priġunerija sospiża flimkien ma’ ordni ta’ trattament sabiex ikollu għajnuna biex jindirizza l-problema ta’ alkoħoliżmu.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, qalet li taqbel mal-partijiet illi fid-dawl tan-natura tal-akkużi, il-fedina penali netta tal-imputat, l-ammissjoni bikrija tiegħu u l-koperazzjoni mal-pulizija, huwa ma kellux jingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll id-dikjarazzjoni tal-imputat li huwa lest li jħallas lill-vittma s-somma ta’ €300 li kien seraq.

Għal dawn ir-raġunijiet filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti kkundannat lil Popov għal piena ta’ 18-il xahar priġunerija sospiżi għal erba’ snin. Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ erba’ snin.

Ekonomija

Sport