Ibrahim Chibi, Marokkin ta’ 34 sena residenti x-Xlendi ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li bejn Ġunju u Novembru ta’ din is-sena ta fastidju lil diversi persuni u li anke meta kien xurban qal kliem oxxen u indiċenti fil-pubbliku.
L-Ispettur Keith Xerri spjega quddiem il-Qorti li f’din l-aħħar sena l-Pulizija fl-Għassa tar-Rabat kienet irċeviet 18-il rapport l-aktar b’allegazzjonijiet li Chibi kien qiegħed idejjaq in-nies fix-Xlendi u anke fir-Rabat Għawdex.
Qal li fl-aħħar ġimgħat saret kwarela minn diversi stabbilimenti fix-Xlendi fejn allegaw li l-għaġir tal-Marokkin kien qiegħed itellfilhom in-negozju.
Il-Pulizija wara li investigaw din il-kwarela talbet mandatt ta’ arrest fil-konfront tal-imputat.
Ġara li nhar l-Erbgħa daħal rapport fl-Għassa tar-Rabat li kien hemm raġel idejjaq lin-nies fi Pjazza San Franġisk u li kienu ma kienx għal intervent b’mod immedjat tal-Pulizija kien se jinqala argument. Ir-raġel li wara rriżulta li kien Chibi ġie arrestat fuq il-post u ttieħed għal aktar investigazzjoni.
Meta l-Qorti staqsiet xi jwieġeb għal akkużi, Ibrahim Chibi mill-ewwel ammetta l-ħtija u anke wara li l-istess Qorti tagħtu ċ-ċans jikkonsidra l-ammissjoni tiegħu, hu reġa’ ammetta.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech sabitu ħati u kkundannatu sena ħabs effettiva kif ukoll 3 snin taħt ordni ta’ trattament biex jiġġieled il-vizzji li għandu.
L-investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri filwaqt li Dr Nadine Stivala mexxiet id-difiża bħala l-Avukat tal-Għajnuan Legali.

