Tork ta’ 34 sena residenti Ħal Luqa tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati għall-akkużi li ta n-nar vettura fl-Imsida.
Il-każ seħħ nhar is-26 ta’ Frar li għadda, għall-ħabta tal-5.30 a.m. fi Triq Clarence, x’ħin il-Pulizija flimkien mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili ntalbu jassistu fuq vettura li kienet qiegħda taqbad.
Wara li ntfew in-nirien, minnufih bdew l-investigazzjonijiet, u wara biss ħamest ijiem, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat persuna li qabbad il-vettura u kien arrestat il-Ħamis li għadda.
Mustafa Ozturk tressaq dalgħodu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti ntqal li l-imputat għandu fedina penali netta u kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija fl-investigazzjonijiet. Intqal ukoll li l-vettura spiċċat ‘total loss.’
Il-Qorti ħatret espert biex malajr kemm jista’ jkun jagħmel valutazzjoni tal-vettura kemm kienet tiswa meta seħħ il-ħruq tagħha.
Sadanittant, l-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €600 u garanzija personali ta’ €4,400. Huwa kien ordnat jiffirma fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa.
Il-kawża ġiet differita għar-rapport tal-espert u għas-sentenza għall-21 ta’ Marzu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Jonathan Ransley. Għall-imputat deher l-Avukat Alfred Abela.