Tuesday, October 7, 2025

Jammetti li tajjar sewwieq ta’ mutur waqt li kien xurban u baqa’ sejjer

Aqra wkoll

Raġel ta’ 34 sena residenti Ħal Qormi kien immultat €3,000 u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal żmien sitt xhur wara li ammetta li tajjar sewwieq ta’ mutur waqt li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol u baqa’ sejjer. 

L-inċident seħħ il-Ħadd li għadda, għall-ħabta tad-9.10 p.m., f’Ħ’Attard.

Mario Mifsud kien mixli li saq vettura tal-għamla Toyota b’manjiera traskurata u perikoluża u meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba xorb jew drogi, li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq persuna oħra u li naqas milli jieqaf wara li kien involut f’inċident. 

Fil-Qorti nstema’ kif il-każ seħħ fiż-żona tar-roundabout li tagħti għal Triq tas-Saqqajja. Ingħad li l-karozza li kienet qed tinstaq mill-akkużat laqtet mutur minn wara u dan allegatament baqa’ għaddej minn fuqu, bil-konsegwenza li s-sewwieq tal-mutur sofra xi ġrieħi. 

L-Ispettur Nathan Bugeja spjega li minkejja li l-imputat baqa’ għaddej u telaq minn fuq il-post, ftit tal-ħin wara mar min jeddu fl-għassa ta’ Ħal Qormi ma’ missieru sabiex jagħmel rapport dwar dak li ġara. 

Ingħad li meta l-imputat kien qed jitkellem mal-Pulizija, dan kellu riħa qawwija ta’ xorb u kien għalhekk li l-imputat ġie mitlub mill-Pulizija stess sabiex jagħmel t-test tal-alkoħol.

L-Ispettur Bugeja kompla jispjega li l-imputat irrifjuta li jagħmel it-test. Min-naħa tagħha, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Roberto Montalto saħqet li l-klijent tiegħu ta ruħu b’idejh lill-Pulizija mal-ewwel u li żvela dak kollu li kien seħħ. Il-Prosekuzzjoni sostniet li minkejja li mar għand il-Pulizija, l-akkużat xorta ħarab minn fuq il-post. 

Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li hemm ukoll xi xhieda li raw lil akkużat ħiereġ mill-karozza u li dan kompla jsuq bi speed eċċessiv. 

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea ħadet nota tal-ammissjoni bikrija tal-imputat u mmultatu €3,000 filwaqt li ssospendietlu l-liċenzja għal żmien sitt xhur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport