Sallu Sarr, ta’ 26 sena u ta’ nazzjonalità Gambjana li għandu permess ta’ residenza Taljana, infaqa jibki fl-Awla hekk kif pie mixli li uża dokument ta’ vjaġġar falz biex imur jiltaqa’ ma’ martu f’Pariġi.
Jirriżulta li Sarr xtara dan id-dokument għal €2,000. Fil-Qorti l-imputat qal li meta xtara dan id-dokument kien ħaseb li hu validu u anke legali minħabba l-prezz għoli li ħallas għalih.
L-Ispettur Christian Abela li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li dan hu reat serju ħafna minħabba li jmur kontra s-sigurtà nazzjonali tal-pajjiż.
Min-naħa tagħha l-Avukat tal-għajnuna legali, Yanica Barbara Sant qalet li l-klijent tagħha kien ikkopera mal-Pulizija tant li anke għadda informazzjoni minn fejn kien xtara dan id-dokument.
Qalet li l-klijent tagħha kellu l-impressjoni li kollox kien legali u anke minħabba l-prezz għoli li ħallas għalih. L-Avukat Barbara Sant qalet li f’każi simili, min jixtri dokumenti foloz iħallas prezz ħafna baxx.
Bl-imputat jibki l-ħin kollu, id-difiża qalet li hu kien iddisprat biex jiltaqa’ ma’ martu f’Pariġi u kien hawn li talbet biex jingħata maħfra.
“Dan huwa każ tassew ġenwin. Hemm ħafna barranin li huma ddisprat biex iħallu Malta għax m’għandhomx id-dokumenti,” qalet l-avukat difensur.
Min-naħa tiegħu l-Ispettur Abela qal li r-raġel għandu protezzjoni sussidjarja fl-Italja u li l-pulizija tista’ tgħinu.
“Xi ħadd qallu li minħabba li ma kellux kollox f’ordni, kien se jkollu konsegwenzi jekk il-pulizija kienu jaqbduh mingħajr dokumenti. Kienu qalulu li xi ħadd kien se jsolvi dan legalment,” qalet Dr. Barbara Sant.
L-imputat ammetta l-akkużi kontrih u ġie kkundannatt sitt xhur ħabs.
L-Ispettur tal-Pulizija Christian Abela mexxa l-prosekuzzjoni. Id-difensur tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant assistiet lill-akkużat.