Wednesday, May 14, 2025

Jammetti li weġġa’ gravi anzjan f’inċident f’Għajnsielem

Aqra wkoll

Gabriele Bruno, ta’ 41 sena minn Turin fl-Italja tressaq fil-Qorti t’Għawdex fejn ammetta li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq anzjan f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Għajnsielem, Għawdex.

Kien it-Tlieta li għadda, għall-ħabta tal-11.15 p.m., fi Triq l-Imġarr, meta seħħet ħabta bejn Kia Picanto misjuqa mit-Taljan ta’ 41 sena u mutur Honda misjuq minn anzjan ta’ 70 sena residenti x-Xewkija.

L-Ispettur Keith Xerri li mexxa l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ spjega li hu kien kostrett li jressaq lil Bruno b’arrest hekk kif it-Taljan kien se jitlaq mill-pajjiż fis-sigħat ta’ wara tal-inċident. Qal li hu kien qiegħed fuq btala f’pajjiżna u dakinhar tal-inċident kien qiegħed iżur Għawdex flimkien ma’ persuna oħra.

Il-Prosekuzzjoni żiedet tispjega li l-imputat kien qiegħed isuq fid-direzzjoni tar-Rabat filwaqt li l-anzjan kien qiegħed isuq fid-direzzjoni tal-Imġarr. Għal xi raġuni, l-imputat qabad u kiser lejn il-lemin u sab ma’ wiċċu lill-anzjan fejn kien hemm li seħħ l-inċident.

Min-naħa tagħha l-Avukat tal-Għajnuna Legali, Dr Nadine Stivala qalet li mhux qiegħda tikkontesta l-arrest tal-klijent tagħha. Qalet li dak li seħħ kien inċident sfortunat li bl-ebda mod it-Taljan ma xtaq li jkun involut fih.

Mistoqsi mill-Maġistrat Grech xi jwieġeb għall-akkużi, Bruno qal li qiegħed iwieġeb ħati. Kien hawn li l-Qorti tat ċans lit-Taljan biex jerġa’ jitkellem mal-Avukata tiegħu dwar l-ammissjoni. Iżda t-Taljan mill-ewwel reġa’ wieġeb li hu ħati.

Min-naħa tiegħu l-Ispettur Xerri qal li hu bl-ebda mod ma qiegħed jitlob li Bruno jingħata sentenza ta’ ħabs kemm effettiva jew inkella sospiża. Qal li xorta waħda Bruno għandu jerfa’ r-responsabbilità ta’ dak li wettaq.

Wara li l-Qorti semgħet liż-żewġ partijiet, illiberat lil Bruno bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor f’pajjiżna fi żmien sentejn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport