Portugiż ta’ 29 sena residenti l-Mellieħa ngħata l-libertà kkundizzjonata wara li nstab ħati li weġġa’ gravi mara f’inċident bil-quadbike.
L-inċident seħħ nhar il-11 ta’ Awwissu li għadda, għall-ħabta ta’ 12.45 p.m. fi Triq Qsajjem, ix-Xlendi, limiti tal-Munxar, Għawdex.
Mill-istħarriġ tal-Pulizija kien irriżulta li r-raġel kien tilef il-kontroll tal-quadbike tat-tip Access bil-konsegwenza li ħabat ma’ ħajt. Passiġġiera miegħu kien hemm il-mara.
Sergio Carlos Silva E Concalves kien tressaq fil-Qorti t’Għawdex mixli li b’negliġenza kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq Ana Cristina Pinto Renato u li saq quadbike b’manjiera traskurata.
Huwa ammetta għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana kkunsidrat in-natura tal-akkużi, il-koperazzjoni tal-imputat mal-pulizija u l-fatt li ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri.
Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati, il-Qorti lliberatu bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.