Stoyan Gafà wieġeb ħati quddiem il-Maġistrat Monica Vella li matul il-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa saq b’mod traskurat u perikoluż tant li kien involut f’inċident tat-traffiku li fih weġġgħu żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta.
Gafà li għandu 21 sena hu l-istess raġel li qiegħed jiffaċċja akkużi li fil-lejl tal-Milied tajjar lil Angie Marlene Mesa Gonzalez bil-mutur u kkawża l-mewt tagħha.
Fil-Qorti ntqal li l-Marcedes li kien qiegħed isuq Gafà kienet irreġistrata fuq isem ieħor u jidher li l-imputat kien xtara mingħandu, iżda kien għadu ma għamilx it-trasferiment.
Wata li semgħet l-ammissjoni tal-akkużat, il-Maġistrat Monica Vella ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat u se tkun qiegħda tagħti s-sentenza tagħha fis-19 ta’ Frar li ġej.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clive Abela u Nathan Bugeja filwaqt li l-Avukata Nadya Fiott kienet l-avukat tal-għajnuna legali għal imputat.

