Jack Stubbs Gallagher, Irlandiż, iżda residenti l-Qala Għawdex ammetta quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech fil-Qorti ta’ Għawdex li kien żamm għalih flus mill-biljetti tal-fast ferry.
Quddiem il-Qorti, l-Ispettur Keith Xerri li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li l-kumpanija Gozo High Speed kienet għamlet rapport fl-Għassa tar-Rabat Għawdex kontra l-imputat. Hu kien jaħdem mal-kumpanija billi biegħ il-biljetti għas-servizz imsemmi.
Minn investigazzjoni li saret, ġie stabbilit li l-imputat kien żamm għalih € 4,614.75 li kollha kienu ġejjin mill-biegħ tal-biljetti fuq perjodu ta’ żmien. Hu naqas milli jgħaddi lid-diretturi tal-kumpanija dawn il-flus.
Skont dak li ħareġ fil-Qorti, l-istess diretturi kienu talbu l-flus lill-imputat, iżda hu baqa’ jirrifjuta li jgħaddilhom l-ammonti dovuti lilhom. Kien għalhekk li l-kumpanija kienet kostretta li tagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulziija.
Meta ġie mistoqsi xi jwieġeb għall-akkużi, Gallagher ammetta l-akkużi kollha bil-Qorti tagħtih iċ-ċans biex jerġa’ jaħsibha. Iżda hu qal li kien qiegħed jammetti.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Grech sabu ħati u kkundannah sitt xhur ħabs sospiżi għal sena kif ukoll li jirritorna l-flus li żamm għalih fi żmien sitt xhur mis-sentenza.