Saturday, December 14, 2024

Jammetti mal-pulizija li gideb meta allega li qala’ daqqiet ta’ sikkina waqt argument fil-Gżira

Aqra wkoll

Mousa Sulayman Mousay Bin Husayn, Libjan ta’ 31 sena li allega mal-pulizija li kien ingħata daqqiet ta’ sikkina mingħand raġel ieħor waqt argument, tressaq fil-Qorti fejn ammetta li kien għamel rapport falz.

Dan l-istess rapport kien wassal biex jinbdew akkużi separati kontra Husam Saleh Belgasem Shalgom, Libjan ieħor li t-Tlieta li għadda tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud mixli bl-allegat involviment tiegħu fl-inċident li seħħ nhar l-1 ta’ Lulju fi Triq l-Imsida, il-Gżira.

Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija kienet irċeviet rapport mingħand Husayn, Libjan, illi allega li huwa kien ingħata daqqiet ta’ sikkina waqt l-argument u semma lil Shalgom bħala l-allegat aggressur.

Madankollu, meta mistoqsi mill-pulizija, Shalgom wieġeb li huwa kien innoċenti u ta verżjoni differenti ta’ kif seħħew l-affarijiet. Il-Pulizija mbagħad raw ukoll filmati tas-CCTV miġbura mix-xena ta’ fejn seħħ l-allegat inċident.
Għalkemm Husayn insista li l-arma użata kienet pjuttost twila, il-pulizija ma rat l-ebda sikkina fil-filmati. Il-Pulizija għalhekk ikkonfrontatu b’dak il-filmat u staqsietu jekk fil-fatt huwa kienx qed jigdeb.

Kien hawn fejn ir-raġel ammeta li l-verżjoni oriġinali tiegħu ma kellhiex mill-verità. Minn dakinhar ‘il quddiem Husayn kompla jikkopera mal-pulizija u eventwalment tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li għamel rapport falz, li kiser il-paċi pubblika u hedded lil Shalgom.

Il-prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li ma kinitx qed titlob għal piena ta’ priġunerija effetiva billi Husayn għad irid jixhed fil-proċeduri li għaddej Shalgom biex tassew tkun tista’ ssir ġustizzja.

Is-sentenza fil-konfront ta’ Husayn mistenni li tingħata l-ġimgħa d-dieħla. Sadanittant, huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt garanzija personali ta’ €2,000 filwaqt li kien ordnat sabiex jiffirma l-għassa kuljum u ma javviċinax lix-xhieda tal-prosekuzzjoni.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur Shalgom.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley. L-Avukat Tiziana Micallef dehret għall-imputat. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru parte civile.

Ekonomija

Sport