Thursday, December 26, 2024

Jammetti mal-Pulizija li kien hu li fega lil Rita Ellul

Aqra wkoll

Lawrence Abina, ir-raġel li jinsab akkużat li qatel lis-sieħba tiegħu Rita Ellul f’Għawdex ix-xahar li għadda, kien ammetta li fgaha għaliex issuspetta li kienet qed taqlibielu.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-ispettur Kurt Zahra fil-Qorti fejn qal li Abina ammetta dan waqt li kien qed ipejjep sigarett qabel ma ġie interrogat.

Fix-xhieda tiegħu l-ispettur qal li Abina u l-vittma kienu f’relazzjoni u Rita Ellul kienet tmur iżżuru ġewwa Għawdex b’mod frekwenti biex tqatta’ ħin fl-appartament tiegħu li kien jaqsam ma’ oħrajn minn pajjiżu.

Intqal li Abina kien ċempel lill-112 fis-26 ta’ Frar fejn stqarr li kien sab lil Rita mejta fis-sodda meta kien wasal lura mix-xogħol.

Fl-istess seduta xehed ukoll l-Assistent Kummissarju Sandro Gatt li fisser li Abina kien qallu li jinsab f’inkwiet kbir u jkun aħjar li kieku jgħid il-verità.

Żied jgħid li hawnhekk Abina nfaqa’ jibki u spjega li tefa’ idu madwar għonq Rita Ellul fejn beda jagħfas bis-saħħa. Kif stqarr dan, l-akkużat niżel għarkupptejh u talab għall-għajnuna. Meta ġie mistoqsi għaliex kien għamilha, Abina sostna li għamel dan għax kienet tqarraq bih.

Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla.

Ekonomija

Sport