Sunday, November 24, 2024

Jammettu li serqu karozza fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Żewġ żgħażagħ ta’ 18 u 15-il sena tressqu l-Qorti fejn ammettew li serqu karozza fil-Ħamrun.

Il-każ seħħ il-Ħadd, għall-ħabta tal-11:20 p.m. meta waqt li uffiċjali tal-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, innutaw karozza tal-għamla Volkswagen Polo b’żewġ persuni suspettużi fiha.

Għaldaqstant il-pulizija waqqfu l-vettura, fejn irriżulta li s-sewwieq ma kellux liċenzja tas-sewqan valida. Minn aktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-istess vettura kienet għadha kemm insterqet ftit tal-ħin qabel minn Triq Brighella, il-Ħamrun.

Ihrahim Afreh ta’ 18-il sena u ġuvni ieħor ta’ 15-il sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom meta tressqu quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Il-Qorti ordnat li jsir rapport fil-konfront tal-imputati qabel tagħti s-sentenza. Sadanittant, iż-żewġ żgħażagħ ingħataw il-ħelsien mill-arrest taħt garanzija personali ta’ €4,500.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella megħjun mill-Avukati Martina Calleja u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Luke Valletta u Yanika Bugeja dehru għaż-żewġ żgħażagħ.

Sport