Friday, March 13, 2026

Janice Mangion tniedi l-album Kewkba fl-Univers

Aqra wkoll

Il-kantanta Maltija Janice Mangion qed tniedi l-ewwel album tagħha, Kewkba fl-Univers, proġett li jiġbor flimkien 14-il kanzunetta li jirrappreżentaw kapitli differenti tal-vjaġġ artistiku tagħha tul is-snin.

L-album jinkludi 12-il kanzunetta li ġew ippubblikati matul is-snin, flimkien ma’ verżjoni ġdida tal-kanzunetta Univers li wasslet lil Janice sal-finali tal-Malta Eurovision Song Contest 2026. Ma’ dawn tiżdied ukoll il-kanzunetta Ammen, miktuba minn Peter Borg, Joe Roscoe u Emil Calleja Bayliss, li ndaqqet għall-ewwel darba b’mod esklussiv fuq VIBE FM.

Matul il-karriera tagħha, Janice ħadmet ma’ diversi kompożituri u awturi li ħallew il-marka tagħhom fuq il-mużika tagħha. F’dan l-album wieħed isib xogħlijiet ta’ Cyprian Cassar, Mark Scicluna, Emil Calleja Bayliss, Heathcliffe Balzan, Rita Pace, Deo Grech kif ukoll Janice stess. Permezz tagħhom tkompli tesprimi l-identità artistika tagħha.

YouTube video

Janice tgħid li dan l-album huwa proġett li ilu jimmatura għal żmien twil.

“Dawn il-kanzunetti jirrappreżentaw stadji differenti tal-vjaġġ tiegħi bħala artista u bħala persuna. Xi wħud minnhom ilhom snin jgħixu mal-pubbliku, u oħrajn qed jaraw id-dawl għall-ewwel darba. Flimkien jiffurmaw dak li jiena qiegħda nsejjaħ l-univers mużikali tiegħi.”

Il-maniġer tagħha, Marc Calleja Bayliss, li kien involut fil-proċess li jgħaqqad dan il-proġett, jgħid li l-album huwa pass naturali fil-karriera ta’ Janice.

“Matul is-snin rajna kanzunetti differenti li bnew l-identità artistika ta’ Janice. Kewkba fl-Univers kien mod naturali biex dawn il-kanzunetti jinġabru flimkien fi proġett wieħed li jirrappreżenta l-vjaġġ tagħha.”

B’Kewkba fl-Univers, dawn il-kanzunetti issa qed jingħaqdu f’album wieħed li jiġbor flimkien snin ta’ mużika, esperjenzi u kollaborazzjonijiet.

L-album Kewkba fl-Univers issa huwa disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali ewlenin, grazzi għad-distribuzzjoni ta’ CAP-Sounds.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport