Dan huwa Gvern li jifhem ir-realtajiet soċjali, l-isfidi u l-pressjonijiet li jiffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin, u għalhekk ser ikompli jkun hemm sabiex jassisti, jinċentiva u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji kollha.
Kien dan is-sentiment espress waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li Jannar 2026 se jfisser nifs ġdid għall-familji, għall-ġenituri u kif ukoll dawk prospettivi. “Qatt qabel, fl-istorja ta’ pajjiżna, m’assistejna għal daqstant miżuri relatati direttament mat-taxxa u l-familji. Madwar 68,000 ġenitur ser igawdu minn dan it-tnaqqis fit-taxxa, b’eluf ta’ familji oħra jgawdu fis-snin li ġejjin,” stqarr il-Ministru Michael Falzon u kompla li b’din il-miżura se tħalli madwar €2,400 bħala medja f’kull but tal-ġenituri.
Huwa tkellem ukoll dwar iż-żieda ta’ €75 oħra fuq kull wild fl-In-Work Benefit, żieda ta’ €500 oħra fil-Bonus għat-Twelid u Adozzjoni fejn għall-ewwel wild dan se jitla’ għal €1,000, €1,500 għat-tieni wild u €2,000 għat-tielet wild u aktar.
Il-Ministru Falzon tkellem ukoll dwar iż-żieda fl-għotja għall-adozzjoni u l-fostering, il-carer’s grant u dwar kif ser jiġi emendat il-ħlas tal-Assistenza Soċjali sħiħa lill-ġenituri mhux miżżewġa li jgħixu mal-ġenituri billi l-benefiċċju ma jibqax jitnaqqas b’25% kif kien jiġri sal-lum.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul spjega li bi proċess estensiv ta’ djalogu soċjali, is-sena d-dieħla se jkunu qed jittellgħu konsultazzjonijiet wiesgħa dwar l-estensjoni tal-Maternity u Paternity Leave.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul ħabbar ukoll li dawn id-diskussjonijiet ser jinkludu wkoll it-tisħiħ tal-Parental Leave, li mis-sena d-dieħla se jiġi estiż għal ġenituri li jaħdmu għal rashom, jew self-employed, kif ukoll leave addizzjonali għal ġenituri prospettivi.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tkellem ukoll dwar il-fond ta’ leave fejn il-ħaddiema, b’mod volontarju, jagħtu b’donazzjoni parti mil-leave annwali tagħhom sabiex jintuża minn ħaddiema tas-settur pubbliku li jkunu qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli inkluż mard. Ħabbar li l-Gvern issa qed jikkommetti ruħu wkoll li dan il-kunċett jiġi estiż biex jiġu megħjuna persuni li jkun għad kif kellhom tarbija u li jaħdmu fis-servizz pubbliku, bil-għan li dawn il-ġenituri jqattgħu aktar ħin mat-tarbija tagħhom.
Dr Ellul ħabbar ukoll li s-sena d-dieħla se jkunu qed jittellgħu bosta fora li fihom se jiġi diskuss l-estensjoni tar-remote working għal kull dinja tax-xogħol, fejn dan jippermetti.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm jgħid li dawn il-miżuri kollha, meta implimentati flimkien, se jwasslu għal pass ieħor storiku f’dak li hu work-life balance f’pajjiżna. Qal illi dan il-Budget għalhekk huwa turija oħra fit-twemmin ta’ dan il-Gvern li kull ħaddiem jistħoqqlu mhux biss il-ħin, iżda ħin ta’ kwalità mal-familja tiegħu, u li kull ġenitur jistħoqqlu s-sostenn kollu possibbli.

