Saturday, March 8, 2025

Jaqa’ għal mejjet quddiem ommu … żagħżugħ maqtul b’daqqa ta’ sikkina f’Ħaż-Żabbar

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien bħal dan iż-żmien sittin sena ilu, Ħaż-Żabbar kien imbikkem. Dan hekk kif baħri Żabbari, li kien qiegħed igawdi l-jiem ta’ mistrieħ minn fuq il-baħar, kien spiċċa maqtul b’daqqa ta’ sikkina. Il-każ kien ħoloq niket kbir l-aktar wara l-karbiet li binha spiċċa waqa’ għal mejjet quddiemha. Il-qtil kien seħħ fil-5 ta’  Marzu u l-funeral sar il-Ħadd 7 ta’ Marzu. 

L-ORIZZONT kien irrapporta li “Carmel James ta’ 29 sena, baħri fuq vapur merkantili li tmint ijiem ilu kellu jmur ibaħħar, ilbieraħ wara nofsinhar miet l-Isptar San Luqa  wara li nofs siegħa qabel kien ġie ferut gravi f’sidru waqt argument fi Pjazza San Ġakbu. B’rabta ma’ dan, Ġanni Scicluna  ta’ 19-il sena u missieru Toni ġew miżmumin fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar.

Wara argument li beda fil-ħanut ‘Victoria’ fi Pjazza San Ġakbu bejn Carmel James, Toni Scicluna u t-tifel tiegħu Ġanni, Gracie Barun tfajla ta’ 28 sena li kienet qiegħda tieħu ħsieb il-ħanut, għalqet il-bieb. James baqa’ fil-ħanut iżda Toni u ibnu Ġanni Scicluna ħarġu l-barra.  Mingħajr donnu ħadd ma jaf kif, James irnexxielu joħroġ barra minn bieb ta’ wara. L-argument reġa’ beda barra, u James deher qed jissara mal-missier u imbagħad mat-tifel. Fi ftit sekondi wara, Carmel James deher qiegħed iżomm sidru, imbagħad mexa madwar għaxar piedi  u wara dar lejn id-direzzjoni tad-dar t’ommu.”

“Tifel li ra lil Carmel James jaqa’ fl-art qal li hu ra lil James miexi bil-mod jixxengel u jżomm sidru li kien kollu demm. Meta kien miexi madwar mitt pied, Carmel qaleb għajnejh u waqa’ ma’ l-art. Ommu Rożi, kienet waħda minn dawk li raw l-aħħar mumenti ta’ binha. Ġanni Scicluna deher jiġri lejn id-dar tiegħu fejn wara ġie arrestat mill-Pulizija.  Hu miżżewweġ u għandu żewġt itfal.”

“Rożi James, li toqgħod ftit ‘lbogħod fi Sqaq fi Pjazza San Ġakbu qalet lil L-ORIZZONT li xi ħadd mar jgħidilha li biha kien qiegħed jiġġieled fil-pjazza. “Ħriġt niġri  u rajt li ibni ħiereġ mill-ħanut f’daqqa u f’konfużjoni sħiħ rajt lil Karmenu jaqa’ ma’ l-art. Meta mort ħdejh u erfajtlu rasu lanqas kellimni, beda jiftaħ ħalqu iżda ma ħarġet ebda kelma minn fommu. Kellhom iżommuni żewġ nisa għax kont se naqa’ fl-art”,  kompliet tgħid Rożi, omm Carmel.”

Ir-rapport ikompli jgħid li “xi ħadd kien diġa mar jinforma lill-Pulizija li fi Pjazza San Ġakbu hemm ġlieda, iżda malli wasal l-ewwel Pulizija hu sab lil Carmel James diġa fl-art, imdawwar minn ħafna nies wiċċu ‘lfuq u b’ħafna demm f’sidru.  It-tabib Joseph Fenech, li wasal fuq il-post, ordna li jintbagħat malajr l-isptar. Karozza misjuqa minn Pulizija ġriet b’Carmel lejn l-Isptar. Fil-karozza tal-Pulizija ippruvaw jistaqsuh x’ġara iżda James ċaqlaq xufftejh u ma qal xejn. Hu miet ftit wara.”

L-arma tinstab f’bir

“L-investigazzjoni dwar id-delitt damet sejrra sa tard bil-lejl. Numru kbir ta’ ġuvintur u irġiel ġew interrogati mill-Pulizija taħt it-tmexxija ta’ l-Assistent Kummissarju Alfred Lanzon, li kien megħjun minn numru kbir ta’ C.I.D. l-Ispettur ta’ Ħaż-Żabbar.  Iżda sa sagħtejn wara d-delitt, il-Pulizija kienet għadha ma’ elevatx l-arma tad-delitt.  Billi Ġanni Scicluna baqa’ sejjer lejn id-dar, il-Pulizija  għamlet tfittxija fid-dar, iżda wara li l-arma baqgħet ma instabitx, ġie deċiż li jiġi ippumpjat il-bir, li jiġi fl-intrata tad-dar.  Permezz tat-Taqsima tat-Tifi tan-Nar, il-bir ġie mbattal minn tlett piedi ilma u fid-dawl ta’ bozza dehret xi ħaġa tleqq.  Spettur tal-Pulizija deher jerfa’  xi ħaġa qisha sikkina twila, li ġiet meħuda malajr l-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Pulizija oħra elevaw affarijiet oħra mill-ħanut tax-xorb ‘Victoria’ fosthom xkupa u flixkun birra li kien għadu mhux imferra u li kien ordna James.”

Il-fotografu ta’ L-ORIZZONT attakkat

“Waqt dan l-inċident il-fotografu ta’ L-ORIZZONT ġie attakkat minn membri tal-familja Scicluna u wieħed minnhom xejjer  daqqa ta’ ħarta lill-fotografu. Il-Pulizija kellhom jindaħlu biex jipproteġu lill-fotografu.

Ftit qabel ma’ ġie miżmum mill-Pulizija, Ġanni Scicluna qal lil L-ORIZZONT li hu daħal fil-ħanut tax-xorb u sab lil James hemmhekk.  Skont Toni Scicluna, Carmel James qallu li ried ikellem lil ibnu għax sitt xhur ilu ibnu kellu xi jgħid ma’ ħuħ Francis.

“Għidtlu biex jinsa’ kollox u nieħdu pinta għax xi ħadd qiegħed jgħawwieh fuq ibni. Meta rajt li Karmnu baqa’ jgħid li jrid ikellem lil ibni, u ftit wara tfaċċa, bagħat lil xi ħadd għall-Pulizija”, qal Toni Scicluna li beda juri idu bid-demm. 

L-għada spikkat il-karba ta’ ommu waqt il-funeral. Hi bdiet tgħajjat “jaħasra, ibni kif qatluh”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport