Matul il-jum tal-Ħadd, ittellgħet edizzjoni oħra ta’ “Jump for Life” fil-bajja pittoreska tax-Xlendi, Għawdex, li kienet organizzata mill-Fondazzjoni OASI. Din l-attività ssir bil-għan li tħeġġeġ lil dak li jkun sabiex ma joqgħodx lura milli jfittex l-għajnuna.
Din kienet it-tielet darba li saret din l-attività, li nibtet minn idea ta’ persuna li kienet għamlet użu mis-servizzi tal-OASI. Minbarra l-qabża fil-baħar, saret ukoll mixja mix-Xlendi sal-irdum magħruf bħala Ta’ Sanap filwaqt li kien hemm attivitajiet oħra bil-kenura.
Il-Fondazzjoni OASI twaqqfet fl-1991 biex tippromwovi stil ta’ ħajja sana ‘l bogħod mill-abbuż minn sustanzi u biex tgħin b’mod terapewtiku u professjonali lil dawk il-persuni u l-familji tagħhom li ġew affettwati minn abbuż minn sustanzi u vizzju.