Wednesday, December 25, 2024

JAQGĦU L-MASKRI

L-Avukat Joe Brincat

Aqra wkoll

Smajna bir-regolamenti ġodda li wara l-btajjel tal-Għid il-Kbir,  it-tfal mhux se jkollhom ħtieġa li jilbsu maskri fuq wiċċhom minħabba l-Covid.  Sinjal li aħbar tajba.   Kieku ma kienx hekk,  mhux se tingħata ordni bħal dik. 

Il-fatti juru li l-pandemija, għalkemm għadha maghna, u tidher li se tibqa’ magħna,  mhux kattiva daqs kemm kienet fil-bidu.  It-tilqim kellu l-effett tiegħu,  u min intlaqat għaddiha ħafif. Imqar jekk intlaqat it-tieni darba. 

Din mhix l-esperjenza tagħna l-Maltin biss,  imma madwar id-dinja kollha.  Qabel konna nkunu bbumbardjati minn kullimkien fuq l-aħbarijiet,  minn Malta u minn barra.  Kultant kienet qed issir ħsara mentali akbar bil-biża’ tal-Covid milli ħsara bil-marda stess. 

Illum bħas-soltu,  aħbar ħażina timbotta oħra ħażina ta’ qabilha.   L-aktar moda llum hija l-gwerra tal-Ukrajna. Imma nistennew qabel nitkellmu ftit fuq dan.

Minkejja kollox il-maskri għandhom is-siwi tagħhom.  Jien nemmen fl-użu tagħhom volontarju.  Mhux kontra l-Covid biss imma anke kontra infezzjonijiet oħra tal-influwenza,  irjieħ u waħda wara l-oħra li konna nlaqqtu f’dan iż-żmien tas-sena.  Dak meta l-ħsara għas-saħħa tkun ġejja minn bniedem ieħor lejna.

Ngħid li l-maskra jien użajtha mhux biss minħabba l-Covid,  imma kultant aktar u aktar meta ninzerta fi dħaħen li jifgawni.   Ikkuppjajt lill-Ġappuniżi li spiss tarahom fl-Ewropa bil-maskra fuq wiċċhom mhux minħabba l-Covid.  Minhabba t-tniġġiż tal-arja. Naħseb li nżommha miegħi l-maskra għal meta jkun hemm il-bżonn.

U ngħid li tajba wkoll meta jonfoħ ir-riħ,  u taqa’ l-kesħa u aħjar tgħatti wiċċek minħabba t-tibdil fit-temperatura, mis-sħana ta’ ġewwa u toħroġ barra. Tiftakru meta konna tfal u kienu jgħattulna wiċċna b’xalla kif noħorġu mid-duttrina?

Mhux beħsiebni narmi dak li tgħallimt f’dawk l-aħħar snin bħala ta’ siwi.  Għall-bidu tiddejjaq,  imma meta tidra,  issib li kollox għandu l-użu tajjeb tiegħu.  Anke dik l-imbierka maskra tal-Covid.

Maskri oħrajn

Hemm maskri oħrajn li rajnihom jaqgħu f’dawn l-aħħar ġimgħat.  Forsi l-akbar waħda kienet dik ta’ Putin.  Fl-Ewropa kienu jqisuh bhala bniedem li jistgħu jitkellmu miegħu,  jafdawh,  u sakemm idum hu,  jistgħu jserrhu rashom .   Fost il-ħbieb tiegħu kellu lil Trump,  u aktar qrib lejna,  lil Berlusconi.  Dan kien ħobża u sikkina miegħu,  u kienu jqattgħu l-btajjel flimkien.  Tgħidulix kif,  imma nħalli f’idejkom biex tobsru.

Però mbagħad waqgħet u b’ħoss kbir il-maskra tal-Unjoni Ewropea.  Ħadet il-pożizzjoni tal-Ukrajna,  li m’għandhiex issofri gwerer fuq l-art tagħha.  Hekk sewwa u xieraq.  Imma niskanta kif anke f’okkazjoni bħal din kull pajjiż jiġbed għal xawwatu.   

L-Ewropa ddeċidiet li toħroġ xi €50 miljun  f’għajnuna,  u l-parti l-kbira qed imorru fi prodotti mixtrija mill-Ewropa u mibgħutin l-Ukrajna.  Din hija l-istess storja bħal meta kien hemm l-għajnuna għall-Iraq wara Saddam,  li l-flejjes kienu jmorru fil-bwiet tal-Amerikani stess,  u ċ-ċenteżmi jaslu għand l-Iraqqini.

Johnson ma qgħadx jaħsbiha wisq.  L-Ukreni għandhom bżonn jagħmlu difiża tagħhom infushom,  u allura bagħtihom tankijiet!  

Fil-każ ta’ Malta,  pajjiż newtrali u jista’ jasal biss sa għajnuna umanitarja. Dik m’għandha tonqos lil ħadd,  meta jkun hemm il-bżonn.

Maskri f’Malta

Issa li għaddiet l-elezzjoni,  flok jaqgħu l-maskri,  nibdew naraw li se jintlibsu maskri.  Ċertu nies l-anqas tibqa’ tagħrafhom.  Sal-elezzjoni kienu jħarsu fuq iċ-ċint,  jistennew kif se jmorru l-affarijiet.  Ma kienx biss fuq liema partit se jitla’,  imma wkoll liema kandidati se jitilgħu,  u min se jsir Ministru,  u min se jsir Segretarju  Parlamentari u mhux biżżejjed.  Ministru ta’ xix?   Kemm ikun hemm ċaqlieq bħal dan iż-żmien,  u n-nies jilbsu maskri biex jintogħġbu?

Ara ma taħsbux li f’dan iż-żmien biss.  L-imgħoddi dejjem hekk għallimni.   Hemm nies li jkollhom aktar minn bandiera waħda fil-bwiet.  

U għandhom kapaċità kbira li jerdgħu miż-żejża tax-xellug,  u miż-żejża tal-lemin,  u anke minn kull żejża li jsibu.  Ma jiddejqu xejn jilbsu l-maskri.

Ekonomija

Sport