Tuesday, September 16, 2025

Jared Micallef fil-Kampjonati Dinjija tal-Atletika f’Tokjo

Aqra wkoll

L-atleta Jared Micallef kellu prestazzjoni b’saħħitha waqt il-Kampjonati Dinjija tal-Atletika f’Tokjo, fil-Ġappun. Huwa temm il-heat tiegħu fuq distanza ta’ 800m f’ħin ta’ 1:46.62. Filwaqt li dan il-ħin ma kienx biżżejjed biex jikkwalifika għar­-rawnd ta’ wara, madankollu, kien riżultat ta’ kull rispett f’kompetizzjoni li tattira l-aqwa atleti fid-dinja. Il-heat tiegħu ntrebħet mminn David Barroso ta’ Spanja f’1:44.94.

Minkejja li Micallef wasal għal din il-kompetizzjoni bid-59 l-aqwa ħin fost is-63 atleta li ħadu sehem, huwa finalment temm fl-44 post. Bil-ħin miksub f’Tokjo, Micallef kiseb ukoll il-kwalifkazzjoni għal-Logħob tal-Commonwealth tal-2026.

Micallef, li aktar kmieni din is-sena waqqaf rekord nazzjonali ġdid fi-800m waqt tellieqa f’Perth, fl-Awstralja, kien akkumpanjat mill-kowċ tiegħu Jayden Ross. Il-parteċipazzjoni tiegħu waslet wara sena konvinċenti bil-flokk ta’ Malta, fejn rebaħ erba’ midalji tal-fidda, tnejn personali fit-800m u l-1500m, u tnejn oħra fir-relays, waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li saru f’Andorra.

Id-delegazzjoni Maltija tmexxiet mit-Teżorier ta’ Athletics Malta Darren Micallef, li attenda għall-Kungress ta’ World Athletics li sar fl-istess jiem tal-avveniment, li matulu ġew diskussi numri ta’ temi li għadhom impatt fuq il-futur tal-isport. Aktar minn hekk, huwa kellu numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ rappreżentanti minn pajjiżi oħra, bl-għan li tkompli tisaħħaħ il-preżenza u l-viżiblità ta’ Malta fl-komunità tal-atletika globali.

Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dawn il-Kampjonat Dinjija kienet appoġġjata minn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport