Tuesday, March 24, 2026

Jared Micallef jikseb l-istandards ta’ kwalifikazzjoni għal-Logħob tal-Commonwealth

Aqra wkoll

Tliet atleti Maltin kienu involuti f’tliet kompetizzjonijiet ta’ prestiġju fuq livell internazzjonali fi tmiem il-ġimgħa, b’riżultati b’saħħithom li jkomplu jawguraw tajjeb għal bqija tal-istaġun.

Fl-Adelaide Invitational fl-Awstralja, Jared Micallef kiseb ħin ta’ 1:47.18 fit-tellieqa tat-800m, ħin li fisser li kiseb l-istandards minimi ta’ kwalifikazzjoni għal-Logħob tal-Commonwealth, li se jsir fi Glasgow f’Lulju kif ukoll għall-Kampjonati tal-Atletika tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Dan ir-riżultat ikompli jibni fuq l-istaġun b’saħħtu għal Micallef, li x-xahar li għadda kiser ir-rekord nazzjonali fuq id-distanza tal-elf metru.

Fl-Istati Uniti, Rachela Pace qabżet 6.03m fil-long jump waqt li kienet qed tieħu sehem fil-UTSA invitational fil-Park West Athletic Center f’San Antonio, Texas. Megħjuna minn riħ ta’ 3.5m/s, Pace, li għandha r-rekord nazzjonali f’din id-dixxiplina, kompliet turi l-forma tajba tagħha f’dan l-istaġun.

Intant, fil-Polonja, Gina McNamara kienet ir-rappreżentanta Maltija fil-Kampjonati Indoor tal-World Athletics. F’Kujawi Pomorze, hija ġriet l-1500m qalb uħud mill-aqwa atleti dinjija f’ħin ta’ 4:30.19.

L-atletika terġa’ lura f’pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa bl-ewwel Challenge Meeting tal-istaġun fl-Istadium tal-Marsa hekk kif l-atleti jibdew it-triq li twassal għall-avvenimenti lokali u internazzjonali ewlenin tat-tieni parti tal-istaġun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport