Fi tmiem il-ġimgħa li ġej f’Malta mill-ġdid se tkun qiegħda tiġi organizzata l-Malta International Airshow fejn għal wiri se jkun hemm diversi ajruplani.

Fost il-qofol tal-ispettaklu se jkun hemm ir-Red Arrows li huma tal-Forzi Ingliżi fejn dawn mistennija li joffru wirja spettakolari. L-ajruplani waslu Malta fl-aħħar sigħat fejn għexieren ta’ persuni marru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u anke fl-inħawi biex ikunu jistgħu jgawdu l-wasla tagħhom.

Wieħed seta’ jinnota l-piloti jitkellmu mal-persuni li kien hemm preżenti u anke taw dettalji dwar l-istess ajruplani.

Ir-Red Arrows huma meqjusin bħala Ambaxxaturi tar-Renju Unit fejn tidħol l-avjazzjoni fejn minbarra li joffru spettaklu f’pajjiżhom u anke f’okkażjonijet statali, jduru madwar id-dinja biex juru l-aqwa tar-Renju Unit.

Sal-bidu ta’ din is-sena, ir-Red Arrows li l-bażi tagħhom hija f’Lincolnshire taw kważi 5,000 wirja, 57 pajjiż differenti.
Intant, l-Malta International Airshow ta’ din is-sena ser isir bejn it-23 u l-24 ta’ Settembru. Dan l-avveniment mistenni jibda b’show statiku fl-ajruport ta’ Ħal Luqa u jilħaq il-qofol tiegħu max-xatt tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar.

Għal dan l-avvenimenti ta’ avjazzjoni ser jieħdu sehem it-tim nazzjonali Żvizzeru tal-wiri tal-ajru Patrouille Suisse, kif ukoll il-Flying Bulls Display u r-Red Arrows li mistennija jkunu l-attrazzjoni ewlenija tal-programm ta’ din is-sena.