Thursday, December 26, 2024

Jaslu f’Malta Ukreni li ħarbu mil-kunflitt… se jiġu megħjuna dawk li ddikjaraw li m’għandhomx flus

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat waslu f’pajjiżna għadd ta’ persuni Ukreni fosthom ommijiet b’uliedhom. Xi wħud minnhom kienu f’pajjiżna fix-xhur ta’ qabel iżda kellhom imorru lura lejn l-Ukrajna minħabba ċirkostanzi differenti. Fost dawn kien hemm omm li kellha applikazzjoni ta’ protezzjoni miċħuda lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. It-tensjoni mal-fruntiera u eventwalment l-invażjoni mir-Russja wasslet biex għadd ta’ Ukreni fosthom din l-omm jerġgħu jirritornaw lejn Malta. Il-problema li sabu kienet dik marbuta mal-kwarantina u l-ħlas ta’ €1,400 biex jgħaddu l-perjodu ta’ kwarantina f’lukanda.  Il-problema  malajr tqajmet mal-awtoritajiet fosthom il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Hekk kif sar magħruf li hemm Ukreni li jista’ jkollhom problema kbira biex iħallsu dak l-ammont u dan għax fi kliemhom stess, dan l-ammont hu tlett xhur paga fl-Ukrajna, ittieħdet id-deċiżjoni biex dawk l-Ukreni li jiddikjaraw li m’għandhomx flus biex iħallsu l-lukanda għall-kwarantina, dawn jitħallsu minn fond umanitarju li għandu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. 

Waħda mill-Ukreni li sabet din il-problema ma’ wiċċha kienet Iryna, li imbagħad ġiet riżolta peress li hi kien inħarġilha permess biex taħdem f’Malta.

Dan is-sit tkellem mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Christopher Cutajar dwar il-problema tal-ħlas tal-kwarantina minn persuni Ukreni. Hu qalilna li “dawk l-Ukreni li ġew f’Malta wara l-24  ta’ Frar u li intalbu jagħmlu kwarantina f’waħda miż-żewġ lukandi li qed jintużaw għal dan l-iskop, ittieħdet deċiżjoni  li jekk jiddikjaraw li m’għandhomx flus se jsir kordinament bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Dan biex il-flus ta’ kemm tiswa il-kwarantina f’lukanda għal dawn l-Ukreni, jitħallsu minn  fond umanitarju li għandu l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin”. 

Ekonomija

Sport