Tuesday, May 6, 2025

Javvanza x-xogħol ta’ tindif fuq parti mill-Bastjun ta’ San Klement

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield żaru l-ewwel sit li jifforma parti mill-Bastjun ta’ San Klement f’Bormla li qed jiġi kompletament imnaddaf minn kull skart li akkumula matul is-snin.

Dan qed isir bħala parti mill-ftehim li ġie ffirmat riċentament bejn l-Awtorità tal-Artijiet u d-Diviżjoni tad-Tindif u l-Manutenzjoni, fejn tħejja pjan ta’ interventi sabiex dawn l-istrutturi  jiġu kkurati, imnaddfa u ppreparati għall-użu ġdid fil-futur.

Dan is-sit, li jikkonsisti f’maħżen storiku li jifforma parti minn sistema ta’ fortifikazzjonijiet importanti fil-Kottonera, kien għal snin sħaħ magħluq.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal, “Dan hu pass importanti ħafna li l-Awtorità tal-Artijiet qed tagħmel sabiex dawn il-binjiet storiċi, li huma propjetà tal-Gvern, jiġu mnaddfa u kkurati aħjar sabiex ’il quddiem, ikunu jistgħu jiġu utilizzati aħjar mill-komunitajiet tagħna.” Il-Ministru kompla jgħid li din il-kollaborazzjoni tkompli turi s-sintonija bejn l-entitajiet pubbliċi biex ikomplu jimmassimizzaw ir-riżorsi pubbliċi ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield spjega kif dan il-proġett huwa xhieda ta’ kif entitajiet differenti jistgħu jaħdmu flimkien biex minn din il-kollaborazzjoni jgawdu n-nies. “Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni tagħti servizz b’kull mezz. F’dan il-każ, grazzi għall-ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet, ħaddiema tagħna qed inaddfu l-fortifikazzjoni biex minn post magħluq, jingħata lura lin-nies.”

Ix-xogħol li sar f’dan is-sit jinkludi l-ġbir u t-tneħħija ta’ skart goff, tindif intern tal-binja u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà sabiex jiġi assigurat li l-ħaddiema jistgħu joperaw mingħajr periklu. F’din l-operazzjoni ttieħdu l-miżuri kollha ta’ prekawzjoni biex il-ħaddiema ta’ din id-diviżjoni setgħu jaħdmu mingħajr periklu.

Din hija l-ewwel fost numru ta’ interventi ppjanati fuq siti simili madwar il-pajjiż.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport