Friday, December 13, 2024

Jaws ħareġ 45 sena ilu

Aqra wkoll

Minn MARIO A. AZZOPARDI

Qabel ħareġ “Jaws”, nies li tgħoddhom fuq idejk kienu semgħu b’Steven Spielberg.

Spielberg kien iddebutta b’“Duel” – thriller tajjeb immens maħdum għat-televiżjoni. Aktar tard, kien ħareġ fis-swali taċ-ċinema. Imbagaħd kien ħadem “The Sugarland Express” li hu thriller ieħor tajjeb ukoll imma kien limitat ħafna fejn ħareġ għall-wiri. Fl-1973, qabel ħareġ għall-wiri “The Sugarland Express” Spielberg kien fl-uffiċċju tal-producers Richard D. Zanuck u David Brown u nnota kopja ta’ manuskript bl-isem ta’ ‘Jaws’ miktub minn Peter Benchley (il-ktieb kien għadu mhux ippubblikat). Spielberg ra ħafna xebħ bejn din l-istorja u dik ta’ “Duel” u Spielberg tħajjar jidħol għalih. Imma imbagaħd reġa bdielu u xtaq jitlaq l-istudios tal-Universal biex imur għand it-20th Century Fox li dak iż-żmien kienu se jaħdmu “Lucky Lady” b’Gene Hackman, Liza Minelli u Burt Reynolds. Il-Universal oġġezzjonaw li jħolluh mill-kuntratt u l-producer Darry D. Zanuck ta parir profetiku lil Steven Spielberg. Hu rrapurtat li qallu, “Jekk tgħaraf taħdem Jaws, wara ser tkun tista’ taħdem liema film li trid.

“Jaws” ma bidilx biss mil-lejl għan-nhar il-karriera ta’ dan iż-żagħżugħ li meta ffirma l-kuntratt kellu 27 sena. Bidel il-kunċett ta’ kif Hollwyood beda joħroġ u jirreklama l-films tas-sajf. Kien l-ewwel blockbuster. Kien l-ewwel film li ddebutta f’490 teatru Amerikan fl-istess jum (illum blockbuster sar joħroġ f’aktar minn 4,000 teatru mal-Amerika kollha). Qabel “Jaws”, il-films kienu jiftħu għall-wiri f’numru żgħir ta’ teatri li jiżdiedu bil-mod fil-ġimgħat ta’ wara. Kien l-ewwel film li kellu dħul li qabeż il-$100 miljun mill-kirjiet lis-sidien tat-teatri. Huwa stmat li d-dħul ta’ dan il-film kien jaqbeż l-$470 miljun fi-box office. Kieku tikkalkula r-rata ta’ inflazzjoni matul dawn il-ħamsa u erbgħin sena, dan l-ammont jaqbeż dħul ta’ $2.2 biljun.

Imma dak li għamel il-film daqshekk spettakolari hi l-kampanja perfetta ta’ pubbliċità li ntrabtet ma’ dan il-film. Ħamsa u erbgħin sena ilu, b’xi mod kulħadd kien sar espert tal-klieb il-baħar (fenominu li Spielberg reġa rrepetih b’suċċess bid-dinosawri meta fl-1993 ħareġ “Jurassic Park”).

“Jaws” mgħandux xi storja ta’ barra minn hawn. Il-ktieb għandu storja aktar ikkumplikata. Imma Spielberg għaraf jilgħab bl-emozzjonijiet u l-beżgħat tal-udjenza. Dan dak li jagħmel il-film daqshekk b’saħħtu.  Il-film jibda b’mod trankwill imma ma ndumux ma’ naraw mara tisfa’ attakkata minn xi ħaġa fil-baħar. Naraw it-tfal jilgħabu fil-baħar u nafu li hemm kelb il-baħar iħuf. Għandna sindku li jara biss il-flus u ma jridx jagħlaq il-bajja minkejja l-periklu. Jinqabad kelb il-baħar u naħsbu li l-problema issolviet. Ma ndumux ma nintebħu li l-vera ħuta li kienet qegħda titterrorizza bajja kienet għadha hemm. Hemm xena fejn it-tensjoni taqtagħha b’sikkina fejn żewġ subien jagħmlu ċajta goffa billi jpoġġu fuq daharhom mudell ta’ xewka ta’ kelb il-baħar magħmul mill-kartun u jgħumu biha.  Iġennu bajja u mbagħad it-tfal jitilgħu minn taħt wiċċ l-ilma.

Imma apparti dawn ix-xeni, “Jaws” għandu interpretazzjonijiet kbar mit-tliet protagonisti. Insibu lil Roy Scheider fil-parti tal-kap tal-pulizija, Martin Brody. Għandu familja. Irid jagħlaq il-bajja imma s-Sindku ma jridx għax jitilfu t-turiżmu. Omm li titlef lil binha ma twaħħalx fis-Sindku imma f’Brody. Ikun hu li waqt li jkun qed jitfa’ l-għalf fil-baħar, jitla’ dan il-monstru u Brody jgħid il-famuża frażi lil Quint, “We’re gonna need a bigger boat!”. 

Is-sajjied Quint hi l-parti li jaħdem Robert Shaw. Huwa karattru li jrid iwassalna biex niġu wiċċ imb’wiċċ ma dik ix-xi ħaġa li ninsabu nwerwrin minnha – imma mhux għalhekk ridna naraw dan il-film?!

Għandna wkoll lil Richard Dreyfuss bħala Matt Hooper – l-espert tal-annimali tal-baħar. Huwa jkun li jipprova jiggwida lill-awtoritajiet (u lill-udejnza) li t-taqbida kontra dan il-monstru mhux ser tkun faċli.

Bejn Robert Shaw u Richard Dreyfuss kien hemm ftit tal-antagoniżmu fuq is-sett. Dan għex biex joħroġ aktar il-kuntrast bejn il-karattri tagħhom fil-film.

Hemm ir-raba’ protagonist li jagħmel il-film fost l-aqwa films tal-biża’. Din hi l-mużika ta’ John Williams magħmula minn sitt strumenti baxxi, tmien vjolinċelli, erba’ trumbuni u bumbardun. Dawn ħolqu dawk in-noti li sal-lum għandhom ikexkxuna u l-anqas ħaġa li nixtiequ nisimgħu jekk ser inkunu fi triqitna lejn il-baħar.

Illum qed niċċelebraw il-film “Jaws” imma għal ftit dan il-film ma kienx ser ikun falliment kolossali u forsi Spielberg qatt ma kien ikollna l-opportunitá li nisimgħu bih. Intużaw tliet mudelli ta’ klieb il-baħar mekkaniżżati msemmija “Bruce” (b’referenza għall-avukat li kien jieħu ħsieb l-interessi ta’ Spielberg).  Kull wieħed kien magħmul biex jagħmel movimenti partikolari.  

Fil-bidu, dawn il-mudelli taw inkwiet kbir. Fl-ewwel filmati li Spielberg beda jara, il-kelb il-baħar ma dehrx minaċċjuż.  Ix-xedaq ma bediex jingħalaq kif suppost. Xejn ma ried jiġi sew. Il-tliet mudelli swew $250,000. L-ewwel ġimgħat ta’ filming seta’ jarmihom. X’kienet is-soluzzjoni? Juri l-kelb il-baħar mill-anqas. L-idea ta’ għadu li ma tarax biddlet id-direzzjoni inizjali li kellu. Il-film inbidel minn wieħed iffukat fuq il-monstru għal wieħed li hu imbuttat mill-karattri.

“Jaws” iddebutta fl-20 ta’ Ġunju, 1975.  Sewa madwar $7 miljun. Inħadmu tlett sekwils imma ebda wieħed ma rrepeta s-suċċess tal-ewwel kapulavur. F’dawn il-jiem, ħarġet verżjoni 4K ta’ dan il-film wara li ġie restawrat.

“Jaws” kien rebaħ tliet Oscars: mużika, sound u film editing. 

Ekonomija

Sport