Sunday, February 22, 2026

Jean Claude Micallef jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti

Aqra wkoll

Jean Claude Micallef ġie nnominat minn għaxar assoċjazzjonijiet sportivi sabiex jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) fl-elezzjoni li se ssir fil-25 ta’ Marzu li ġej.

In-nominazzjonijiet waslu minn Regatta Malta, Malta Cricket Association, Malta Taekwondo Association, Malta Rugby Football Union, Malta Amateur Wrestling Federation, Malta Gymnastics Federation, Assocjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, Malta Baseball & Softball Association, Malta Tennis & Padel Federation u Malta Triathlon Federation.

Micallef aċċetta li jpoġġi ismu għal din il-kariga b’sens ta’ responsabbiltà u impenn lejn il-komunità sportiva Maltija. Huwa sellem lis-Segretarju Ġenerali uxxenti, Kevin Azzopardi, għall-ħidma sfieqa tiegħu u għall-kontribut li ta biex isaħħaħ il-ħidma u l-istrutturi tal-Kumitat tul il-mandat tiegħu. Tul l-aħħar ġimgħat, Micallef kien f’kuntatt mal-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi fejn ippreżenta l-viżjoni tiegħu taħt it-tema “Maltin Rebbieħa”.

Din il-viżjoni tiffoka fuq aktar kollaborazzjoni, trasparenza u appoġġ konkret lill-assoċjazzjonijiet u lill-atleti, bil-għan li Malta tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha fix-xena internazzjonali. “B’integrità, enerġija u determinazzjoni, lest inpoġġi l-esperjenza tiegħi għas-servizz tal-isport Malti sabiex flimkien inkomplu nibnu futur b’saħħtu u ta’ suċċess għall-atleti tagħna,” stqarr Micallef. L-elezzjoni għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti se ssir fil-25 ta’ Marzu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport