Raġel ta’ 40 sena ġie kkundannat 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li hedded lil ommu li jagħtija daqqa ta’ xabla.
Il-każ seħħ sentejn ilu fil-residenza tal-vittma l-Ħamrun. Jirriżulta li r-raġel mar ħdejn ommu li għandha 70 sena u talaba l-flus biex imur jixtri d-droga. Hi qaltlu li ma kellix flus biex tagħtih. Kien hawn li r-raġel hedded lil ommu li jagħtija xeba’ xabla.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello intqal li l-akkużat “għandu problema akuta u serja ħafna ta’ droga”.
Fix-xhieda tagħha, l-omm qalet li t-tifel ġie għal flus waqt li hi kienet qed tagħmel kafè fil-kċina. Qalet li binha ħareġ x-xabla li kien jitħarreġ biha l-arti marzjali u qalla biex tmur tiġbed il-flus jew inkella tisellef mingħand xi ħadd. Żiedet tixhed, li binha xeħitha “f’sitwazzjoni ta’ disprament, qtigħ il-qalb u faqar.”
Xheded ukoll oħt l-akkużat li qalet li ħuha kemm-il darba kien iġib ruħu ħażin ma’ ommhom u dak kollu minħabba l-vizzju tad-droga. Hi qalet li darba minnhom kissrilha statwa ta’ Santa Rita fuq rasha.
Hu nstab ħati wkoll li dakinhar tar-reat kien taħt ordni ta’ probation u li kkaġuna fastidju lil ommu billi ssikkaha biex tagħtih il-flus.
L-akkużat ġie mixli wkoll iżda ma nstabx ħati li dakinhar tal-każ ikkaġuna lil ommu biża’ li se juża vjolenza kontriha.
Apparti l-piena ta’ ħabs, il-Maġistrat poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin u taħt ordni ta’ trażżin għal sentejn. Hija ordnat ukoll il-konfiska tax-xabla.