Monday, April 29, 2024

Jeħel multa ta’ €3,000 wara li baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati f’Ħaż-Żabbar

Aqra wkoll

Christian Muscat ta’ 25 sena minn Ħaż-Żabbar ġie mmultat €3,000 wara li nżamm responsabbli li baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati. Dan kien seħħ wara li kien tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roderick Spiteri qalet li l-każ kien seħħ fis-6 ta’ Novembru tal-2020 għall-ħabta tas-2.00pm fi Triq Triq Wied il-Għajn f’Ħaż-Żabbar. Muscat kien akkużat ukoll li saqt vettura mingħajr polza tas-sigurtà u anke mingħajr liċenzja.

Quddiem il-Maġistrat Yana MIcallef Stafrace l-Prosekuzzjoni qalet li Muscat kien qed isuq Toyota Starlet meta tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’Mitsubishi Colt u Mercedes Benz. B’xorti tajba ħadd ma kien weġġa’ f’dan l-inċident.

Jirriżulta li mad-daqqa l-karozza tal-akkużat spiċċat fuq in-naħa l-oħra tat-triq, filwaqt li l-Mitsubishi spiċċat fuq il-bankina mdaħħla f’parapett u l-Mercedes ukoll spiċċat fuq il-bankina.

Il-Qorti wara li semgħet il-provi kollha sabet lil Muscat ħati tal-akkużi kollha kontrih ħlief ta’ waħda li minħabba sewqan perikoluż kien għamel ħsara fil-Mercedes. Il-Qorti qalet li dwar din l-akkuża l-Prosekuzzjoni ma ġabitx provi biżżejjed.

Minbarra t-€3,000 multa hija skwalifikat il-liċenzja tas-sewqan ta’ Muscat għal sena u naqsitlu 8 punti fuq il-liċenzja tas-sewqan.

Sport